best deal

Monday, 30 April 2018

“Waqt l-IVF, l-embrijuni diġà kienu wliedna u mhux biss 8 ċelloli”



Din il-mara għażlet l-iffriżar tal-embrijuni, wara li s-sieħeb tagħha marad bil-kanċer.

Wara l-programm dwar l-emendi l-ġodda tal-IVF, din il-mara ħassejt li tikteb ittra miftuħa.

Ittra miftuħa għal kull min irid jisma'.

Appell biex ma ngħaġġlux.

Ilni ħafna nixtieq nikteb. Ilni ħafna nitqabad ġewwa fija biex ngħid x'qed inħossu. Speċjalment wara l-programm ta' Xarabank, ma nistax noqgħod siekta. Nixtieq nibqa' anonima mhux għax nistħi jew għax inħoss li żbaljajna, imma għax nibża' li jien jew iktar agħar minn hekk, it-tfal tiegħi jħarsu lejhom b'mod differenti għax huma riżultat ta' IVF. Inħossni grata immens li kellna ċ-ċans li nagħmel dan it-trattament (barra minn Malta) u m'għandix kliem biżżejjed biex nirringrazzja lit-tobba u l-istaff li ħadu ħsiebna u mxew magħna pass pass. Bil-wisq iktar m'għandix fomm u kliem biżżejjed ta' graditudni lejn Alla li żgur li bil-grazzja tiegħU llum għandna żewġt itfal. Nemmnu li minkejja kellna bżonn l-għajnuna medika biex tgħinna nkun tqila, kien Alla però li żamm it-tqala, għal darbtejn, sal-aħħar u li l-embrijun, f'kull tqala, impjantat u nżamm sal-aħħar. Dan għalina miraklu! Frott l-impossibbiltà! Biex anke nikkwota lit-tabib tagħna stess wara t-trasferiment qalilna: "Now it's not in my hands." Inħares lejn uliedi u m'għandix kliem biżżejjed biex nesperimi l-gratitudni u l-fortuna li nħossu li stajna nkabbru familja qalb iċ-ċifri u l-persentaġġi baxxi li kellna quddiemna dak iż-żmien.

Jien u nara, u nisma' l-programm bdejt inħossni mtertqa, imbaqbqa u anke ddispjaċuta f'ċerti waqtiet, b'dak kollu li beda jingħad. Furur ta' emozzjonijiet. Bejn naqbel u bejn ma naqbilx. Bejn inħoss għal min kien qed jitkellem, u bejn nibki.

Kif qal Dr. Sant, jien qatt ma ħsibt li ħa nasal nagħmel IVF, u qatt ma ridt nagħmel IVF. Imma ċirkostanzi mediċi tal-ħajja u fil-mument meta qarsitni fil-laħam il-ħaj, urini mod ieħor. Kienet battalja kontinwa, u dejjem inħossni li ħa nagħmel xi ħaġa ħażina, u agħar minn hekk dejjem inħossni ġġudikata min-nies. Għadni s'issa nħossni hekk, li ċerti nies iħarsu lejk qisek għamilt xi dnub mejjet, qisni qtilt lil xi ħadd, jew għamilt xi adulterju. Semmejna ħafna drittijiet. Nemmen żgur li ħadd m'għandu d-dritt li jiġġudika lil ħaddieħor, speċjalment fuq għażliet li nagħmlu bħala koppja. Kull koppja għandha libertà li tagħżel dak li jħossu li hu l-aħjar għalihom, u ħadd ma poġġa lil ħadd bħala mħallef tar-relazzjoni jew tal-istorja tagħhom. Nirringrazzja lil Dr. Sant għall-kliem li qal meta ħaseb f'min diġà għadda minnha għax dan vera mhux luss jew kapriċċ.

L-uġigħ li koppja tgħaddi minnu huwa kbir, eżatt kif qalet Leanne: id-diżappunt kontinwu, l-uġigħ fiżiku, u l-istress emozzjonali, il-fatt li ma tħossokx normali, il-fatt li tħossok waħdek u ħadd (iħobbuk kemm iħobbuk tal-familja) ħadd ma jista' jifhem eżatt dak li qed tħoss u li qed tgħaddi minnu. Il-fatt li dejjem hemm inċertezza li din it-tbatija kollha tista' tkun għalxejn, li trid tgħixha fis-silenzju eċċ. Minħabba dan kollu u iktar, iva, kif qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, tfal imwelldin bl-IVF huma l-iktar tfal maħbuba għax dawn ġew permezz ta' ħafna mħabba u tbatija, ħafna stennija. Dawn ġew b'miraklu, mhux b'ċikka jew għax inżertat hekk ...

Fl-istess ħin però, inħares lejn it-tfal tiegħi u nara kemm fis-snin, sakemm tlajna u ppruvajna l-embrijuni kollha, ma kellix peace of mind, għax f'qalbu f'moħħi kelli biċċa minni hemmhekk. It-tifel kellu lil ħutu qed jistennewh. Snin bil-ħsieb fuq moħħi li hemm biċċa minni, it-tfal prospettivi tagħna jistennewna. Għalhekk qatt ma nista' naqbel, u nemmen li l-ebda omm/ġenitur wara l-kedda u tbatija tal-IVF ħa jasal jagħti lit-tfal tiegħu (embrijuni) għall-addozzjoni għax dawk huma tiegħi. Dawk uliedi! Dawk ħut it-tifla/tifel tiegħi! U għalhekk tlajna għalihom kollha. Fl-istess ħin nista' nifhem li forsi mhux kulħadd ħa jkollu ċ-ċans, jew jinqalgħu ċirkostanzi fejn ma tkunx tista' tmur għalihom kollha, kif qalet Dr. Schembri. Wara l-ewwel tarbija, kont dejjem nhewden u nitlob li ma jiġri xejn lili jew lir-raġel sakemm immorru għalihom kollha. Dejjem nitlob li r-raġel ma jkollux r-relapse tal-kanċer għax waħdi ma nafx kienx se jkolli s-saħħa u l-forza li nerġa' ngħaddi minnha. Koppja jista' jkollha l-intenzjonijiet tajbin kollha tad-dinja, imma nafu li l-ħajja hi imprevedibbli, u ma tafx fis-snin ta' wara x'ħa jiġri jew kif se tkun. 

Minkejja l-ħafna kliem tajjeb li qas, ma nista' qatt naqbel ma' Dr Sant li jgħid li huma "ftit cells b'potenzjal". Ftit cells? Kull min għamel l-IVF jaf u jħoss li sa mill-bidu sa minn meta jara dawk il-ftit ċelloli fuq l-iscreen lest biex it-tabib jitfagħhom fik, hemm aħna diġà nħossu li dik tarbija tagħna! Diġà nħossuha parti minna. Diġà għandu DNA u li tagħmlu persuna, tagħmlu t-tifel tagħna! Wara ftit sigħat mill-fertilizzar, tinħoloq DNA speċifika ta' dik il-persuna unika. Kif tista' tgħid li din mhijiex ħajja? It-tliet embrijuni l-oħra li ma żammewx/ħadux, għalija huma anġli fis-sema, minkejja li kienu żgħar ħafna. 

Aħna xtaqna jkollna tfal, u iva pprovajna, u iva hemm bżonn li jkun hawn aċċess li jkun jista' jgħin koppji jkollhom tfal. Però ma nistgħu nikkreaw it-tfal akkost ta' kollox għax iva aħna bħala ġenituri għandna drittijiet, imma t-tfal għandhom drittijiet bażiċi wkoll. Hawnhekk naqbel ma' Dr. Sciberras. L-ewwel u qabel kollox it-tfal għandhom dritt għall-ħajja kollha kemm huma. Aħna tlajna iktar minn darba barra minn Malta biex ma nħallu lil ħadd warajna! Issallabna, ħadna loans eċċ, imma ma ridna nħallu lil ħadd warajna għax dawk kollha tfal tagħna! It-tieni, għandhom dritt li jkollhom familja u ambjent san u stabbli fejn jitrabbew. U dan irridu aħna, bħala l-adulti fis-sitwazzjoni, naraw li dan iseħħ għalihom. Għalhekk nemmen u nappella lill-politiċi, li ma jagħmlu minn din aġenda politika! Mhuwiex sew li taqbdu l-'vulnerabbli', biex nuża' l-kliem tal-Prim Ministru, u lil min qed ibati biex tagħmluha ħaġa politika. Jekk trid tgħinu verament lil min qiegħed ibati, ikkonsultaw magħhom, imxu u qisu kull pass biex verament tipprovdu l-aħjar servizzi, mhux kollox iġri u ġerri, ħalli jaqtgħu oħra mil-lista. 

Dawn huma ħajjiet tan-nies u familji li qed jitkellmu dwarhom! Hemm bżonn insaħħu u nkabbru sew dak li diġà hemm preżentament, qabel ma nagħmlu kollox free for all. Nemmen li barra minn Malta għandhom riżultati aħjar għax għandhom esperjenza vasta u twila, u mhux konsultazzjoni ta' 3 snin biss. Barra minn hekk, mal-IVF (u jekk jidħlu surrogacy eċċ) hemm bżonn tiġi offruta terapija obbligatorja għall-familji konċernati, mhux iħalluhom riħhom. Tafu daqsi u aħjar minni kemm sessjonijiet ma' counselor/therapist tqum. Ħa nieħu average ta' €50, u dan mhux ta' darba jew tnejn, imma jrid ikun hemm kontinwazzjoni u l-familji jridu jiġu segwiti, u dan iqum ħafna flus ukoll. 

Dwar is-surrogacy, nemmen li jrid ikun hemm eċċezzjonijiet bħalma hu l-każ ta' Leanne, fejn hemm ambjent san u stabbli għat-trabi u t-tfal. Fejn jissemmew single parents eċċ, mill-esperjenza tiegħi li naħdem mat-tfal u adoloxxenti, ħa nkunu qegħdin noħolqu aħna problema għat-tfal billi qed nikkreawhom u npoġġu aħna f'sitwazzjoni żvantaġġjata minn tfal oħra. Irridu nħarsu lejn l-interess tat-tfal ukoll u mhux inħallu kollox jaqa' taħt il-kappa tal-ugwaljanza. Ma tistax tikkumparaha ma' tfal addottati għax tfal addottati, hi x'inhi l-familja li taddottahom, huwa dejjem aħjar milli tikber f'istitut, jew fi triq, jew fil-moħqrija. Imma f'każ ta' donazzjoni/surrogacy, fejn jidħol single/gay parents qed nikkreawhom aħna l-problemi. 

Nixtieq insaqsi lil Dr Fearne jekk l-iffriżar tal-bajd ħa tibqa' miftuħa għal min moralment jixtieq jipprova jkollu tfal imma ma jixtieqx jiffriża l-embrijuni. Ħaġa oħra. Barra minn Malta ingħatajna ċ-ċans li ma niffriżawx embrijun, imma niffriżaw fil-pro-nucleate stage - fl-ewwel ftit sigħat wara l-fertilizzar qabel ma jitħallat id-DNA u qabel ma jsir persuna. Dan huwa metodu li l-Profs. Pace Axiaq għamel it-teżi tiegħu dwarha u jgħid li hija etikament u moralment iktar korretta. M'hemmx ċans li Malta jkollna dan iċ-ċans biex għal min qed jikkumbatti mal-etika u l-morali jkollhom opportunità wkoll?


No comments:

Post a Comment