best deal

Wednesday, 7 March 2018

"Ċerti siġar għamluh żmienhom u għandhom jitneħħew"


Sewwieq ta' vetturi kbar jilmenta magħna fuq xi siġar ta' ċerti toroq u kif dawn qed ikunu ta' periklu.



"Xogħli huwa li nsuq vetturi kbar u nħoss li ċerti siġar huma ta' periklu għas-sewwieqa. Hemm ċerti siġar bħal dawk li jinsabu fi triq li mill-Imrieħel tagħti għar-Rabat u fi triq li mill-Imsida tagħti għall-Pietà, li bihom ikollok issuq fin-nofs, b'40 tunellata fuq wara tat-trakk."

"Sa dalgħodu għaddejt minn triq fir-Rabat u rajt siġra minnhom maqlugħa u meqluba għal ġo għalqa. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Is-siġar kollha li huma 'l barra mill-ħitan, għandhom bżonn żabra. Biss biss, inti u tiela' l-Imtarfa, it-triq fiha żewġ ċentri għal persuni b'diżabilità, u tant hija dejqa, li l-vannijiet jaħbtu ma' xulxin minħabba s-siġar li hemm. Lili jtellfuni u ġieli ħbat u nkissruli l-mirja tal-vetturi."

"Hemm ħafna siġar li żmienhom għamluh. Mhux qed ngħidlek li jaqtgħuhom u jarmu kollox, imma ssir żabra u ma jkollhomx piż kbir. L-awtoritajiet għandhom jieħdu interess u azzjoni, u jagħmlu dak li hemm bżonn isir."

Ix-xahar li għadda, Dan Udrea, tilef ħajtu wara li waqgħet siġra fuq il-karozza tiegħu.

No comments:

Post a Comment