best deal

Sunday, 8 July 2018

L-istorja tal-omm li keċċewlha lil bintha miċ-childcare qajmet kontroversja, u aħna komplejna ninvestigaw


Il-ġimgħa l-oħra fuq dan is-sit irrakkontajna l-istorja ta' omm li qaltilna li t-tifla tagħha ta' sena u disa' xhur kienet qed tmur f'childcare centre fejn tifel kien gidimha, u mbagħad irrakkontat li darba fost l-oħrajn, bintha tkeċċiet ħesrem mingħajr raġuni minn din l-istess skola.

Aħna bgħatna lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni dwar dan il-każ, u kif konna għadna qed nistennew, qabel ma rċevejna risposta, l-istorja qajmet kontroversja fuq l-internet. Saħansitra għamlu kuntatt magħna s-sid taċ-childcare centre stess u diversi ġenituri li wkoll jibagħtu lil uliedhom fl-istess skola, u qalulna li dak li kien qed jingħad mhuwiex vera. U għalhekk aħna ddeċidejna li mmorru f'dan iċ-childcare centre u nistaqsu l-mistoqsijiet lis-sid u lill-ġenituri bit-tama li nikxfu l-verità.

L-omm li kkuntattjatna l-ġimgħa l-oħra ammettiet magħna li waqt li kienet fic-childcare, bintha mbuttat tifel u dan gidimha. Huwa vizzju komuni ħafna li ġieli jaqbdu t-tfal iż-żgħar, li jimbuttaw jew imissu lil xulxin.

"Mort niġbor lit-tifla u l-persuna li tieħu ħsieb iċ-childcare qaltli li se jkollha twaqqaf lil binti milli tmur hemm għax qed timbotta t-tfal u tweġġagħhom," qaltilna l-omm. "It-tifla tiegħi kienet il-vittma tal-gidma, u ma nistax nifhem kif binti tkeċċiet u t-tifel li gidimha baqa' hemm," insistiet l-omm.

Aħna tkellimna mal-persuna li tieħu ħsieb ic-childcare centre u skontha, l-istorja hija ftit differenti. "Ma stajtx nagħmel mod ieħor ħlief li nwaqqafha. It-tifla konna ilna ninnutawha timbotta tfal oħra, u lil ommha dejjem kont inżommha nfurmata b'dak li qed jiġri," qaltilna sidt ic-childcare centre. "Saħansitra pruvajna nsolvu s-sitwazzjoni flimkien billi nibdlulha l-post u l-ambjent bit-tama li taqta' dan il-vizzju. Lill-omm kont navżaha dejjem x'qed nagħmel u mill-messaġġi li kienet tibgħatli kien jidher li qed tifhem x'qed jiġri u qed taqbel ma' dak li kont qed nagħmel."

L-omm ikkonfermat ukoll li kienu jibagħtu dawn il-messaġġi. "Kienet tibgħatli: 'She is doing well. She is always improving. I'm surprised at her development.' Għalhekk ma nistax nifhem kif imbagħad keċċietha," qaltilna l-omm.

Madanakollu, sidt iċ-childcare centre qaltilna li dawn il-messaġġi kienu jirreferu għal attivitajiet oħra li kienu jsiru fl-iskola matul il-ġurnata. Qaltilna wkoll li din l-istorja tal-imbuttar ma ġratx darba, u rrepetiet ruħha wisq drabi għal diversi xhur, u allura fil-bidu ta' Ġunju kellha tavża lill-omm biex tibda tfittex post ieħor fejn it-tifla tista' tmur childcare.

"Meta għedtilha hekk kellna diżgwit, għax hi u r-raġel tagħha kienu kontra din id-deċiżjoni u kelli niddeċiedi li nwaqqaf lit-tifla immedjatament," qaltilna sidt iċ-childcare centre. "Imma din ma kinitx sorpriża. L-omm kienet taf li se nwaqqafha."

L-omm kienet ilmentat magħna wkoll għaliex qaltilna li minħabba din l-istorja, it-tifla m'għandhiex fejn tibgħatha childcare u hi ma tistax tibqa' magħha l-ħin kollu għaliex taħdem u tistudja. Dwar dan aħna bagħtna lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u kkonfermawlna li t-tifla nstabilha post ieħor fejn tista' tmur childcare.

"L-uffiċċju tal-Free Childcare Scheme kien f'kuntatt kostanti mal-omm tat-tifla u assista biex issib ċentru ġdid. Għaldaqstant nikkonfermaw li t-tifla bdiet tattendi ċentru ġdid mit-2 ta' Lulju," kienet tgħid l-email li rċevejna lura mill-Ministeru. U dan ikkonfermatu wkoll l-omm.

"Għall-kuntrarju ta' kif jistgħu jaħsbu xi nies li raw l-ewwel storja, hanwhekk mhuwiex post perikoluż u ma jiġrux dawn l-inċidenti," qaltilna sidt iċ-childcare centre b'emozzjoni kbira. "Aħna nieħdu kull miżura biex niżguraw is-saħħa u s-sigurtà tat-tfal kollha u qatt ma kelli xi ngħid mal-ġenituri l-oħra."

Aħna tkellimna ma' 15-il ġenitur ta' tfal differenti li kollha kemm huma jibagħtu lil uliedhom f'dan iċ-childcare centre, u rridu ngħidu li kellhom kummenti sbieħ dwar dan il-post.

"Dan huwa post li qed jagħmel ħafna ġid lit-tifel tiegħi. Timmaġina li niġi nħalli lill-aktar ħaġa għażiża li għandi f'ħajti f'post li mhux se jagħmillu ġid?" qaltilna omm minnhom.

Omm oħra qalet: "Inkunu għadna kantuniera bogħod u t-tifel jibda jgħajjat 'school, school!' U meta niġi għalih ma jkunx irid jitlaq, u ma jitlaqx qabel jgħannaq u jbus lit-teachers li jieħdu ħsiebu."

"Il-fatt li t-tifla tiegħi toħroġ b'daħka kbira minn hawn, għalija huwa biżżejjed biex ninduna kemm hi kuntenta," qalilna ġenitur ieħor.

Tkellimna wkoll ma' omm li għandha tifel b'diżabilità u stqarret magħna li jsib ħafna għajnuna meta jkun hemmhekk.

Omm oħra saħansitra qaltilna b'nofs ċajta: "Jien għandi problema, għax id-dar it-tifla tgħajjat il-miss flok lili!"

U omm minnhom irrakkontatilna li darba siefru u l-ajruport tilfu l-bagalja bil-ħwejjeġ kollha tat-tifla. "U hi (sidt iċ-childcare centre) mill-ewwel qaltli li għandha xi ħwejjeġ li lesta tagħtihomli sa meta tasal il-bagalja lura."

(Ir-ritratt użat f'dan l-artiklu m'għandu l-ebda konnessjoni ma din l-istorja, u l-post u t-tfal li jidhru fir-ritratt m'għandhom l-ebda relazzjoni mal-istorja. Ritratt meħud minn www.littelmunchkins.com.au)

No comments:

Post a Comment