best deal

Tuesday, 24 July 2018

KAŻ EGRANT: L-istorja kollha pass pass mill-bidu nett



Wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta fuq il-każ Egrant, irriżulta li ma nstabet l-ebda evidenza li l-kumpanija Egrant hi tal-Prim Ministru, ta' martu jew ta' xi ħadd qrib tiegħu. Din hija l-istorja sa issa... 


20 ta’ April 2017


Daphne Caruana Galizia tikteb li Egrant hija ta’ Michelle Muscat.   


21 April 2017 




Joseph  Muscat ma’ Simon Busuttil f’dibattitu f’Xarabank. Muscat jicħad kategorikament din l-allegazzjoni u jgħid li jekk jinstab imqar traċċ ta' verità huwa jirriżenja. Jisfida lil Simon Busuttil jagħmel l-istess.

Simon Busuttil jibqa' ma jgħidx illi kieku jirriżenja iżda jwieġeb li l-Prim Ministru, b’tal-Panama Papers, messu diġà kien irriżenja. Siegħa qabel jibda Xarabank, Daphne tippubblika dak li kienet qed tikteb. Li hemm transcript ta' żewġ declarations of trust li allegament kienu fis-safe tal-kċina ta' Bank Pilatus f'Ta' Xbiex. 


Tallega li fihom hemm imniżżel isem Michelle Muscat. Dawn l-allegazzjonijiet jiġu miċħuda kemm mill-Prim Ministru u minn martu Michelle Muscat. 


1 ta' Mejju 2017





Fil-mass meeting tal-1 ta' Mejju, il-Prim Ministru Joseph Muscat iħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali. 




4 ta' Ġunju 2017





Il-Partit Laburista jirbaħ b'40,000 vot l-elezzjoni ġenerali.



Is-Sibt 21 ta' Lulju 2018



Jitħabbar li l-inkjesta Egrant hija konkluża u qiegħda f'idejn l-Avukat Ġenerali. Wara li ħarġet din l-aħbar, Joseph Muscat u Simon Busuttil jitolbu biex l-inkjesta tiġi ppubblikata b'mod sħiħ.


  

Il-Ħadd 22 ta' Lulju 2018


10:40am


Joħorġu l-punti mill-konklużjonijiet tal-inkjesta. 


Ma hemm xejn li jorbot lill-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat mal-kumpanija Egrant.  Ma nstab l-ebda dokument li jorbot lill-familja Muscat ma' Egrant. 



Id-ditta forensika Ingliża ma ssib l-ebda evidenza fuq is-servers ta' Bank Pilatus li torbot lill-familja Muscat ma' Egrant.


10:44am

Il-Prim Ministru jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Joseph Muscat jistqarr li saret ġustizza miegħu, ma' familtu u mal-pajjiż. Jispjega li r-rapport tal-inkjesta jikkonferma l-kalunja li għamel Simon Busuttil, fil-konfront tiegħu. Iżid jgħid li Simon Busuttil ma jistax jibqa' jirrappreżenta lill-poplu fil-Parlament, u għalhekk għandu jirriżenja.


Jispjega li ma nstabet l-ebda evidenza li l-kumpanija Egrant hi tiegħu, ta' martu jew ta' xi ħadd qrib tiegħu. Jgħid li d-declarations of trust, instab li kienu foloz, u għalhekk kien attentat ċar u elaborat ta' frame-up. Iżid jgħid li dan il-frame-up wassal biex martu u hu jaffaċċjaw akkużi li setgħu wasslu biex hu flimkien ma' martu jeħlu 12-il sena ħabs.




Itenni li Simon Busuttil għandu jerfa' r-responsabbiltà politika tiegħu, jirriżenja minn kull kariga li jokkupa f'Malta u barra minn Malta. Fost oħrajn, jgħid li llum hija r-responsabbiltà tal-Kap tal-Oppożizzjoni, ta' Adrian Delia, u għandu jibda billi jneħħi lil Simon Busuttill minn kelliem għal governanza tajba, u jekk Simon Busuttil ma jirriżenjax mill-Parlament minn jeddu, għandu jitolbu jirriżenja.




Il-Prim Ministru jemozzjona ruħu meta jirringrazzja lit-tfal tiegħu, li sofrew miegħu u martu.




13:49pm

Dr Busuttil jgħid li t-talba tiegħu biex jirriżenja hija redikola.

Dr Simon Busuttil jgħid li Joseph Muscat huwa l-aħħar persuna li jista' jitkellem dwar ir-responsabbiltà politika. Isostni li din qatt ma refagħha hu stess minkejja sensiela ta' skandli ta' korruzzjoni minn kemm ilu Prim Ministru.
Qal li bħala persuna pubblika kellu dmir li jirreagixxi dwar dik l-allegazzjoni, u l-Oppożizzjoni ma setgħetx tibqa' b'ħalqha magħluq. 

Jitlob li r-rapport għandu jiġi ppubblikat kollu u mhux biss siltiet minnu. Jispjega li għad hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba bħal f'isem min qed jidher Brian Tonna ta' Nexia BT.
Huwa jfakkar li qabel mal-Prim Ministru jitlob responsabbiltà politika mingħandu, tajjeb li jistenna wkoll ir-riżultat tal-inkjesta li talab huwa stess, u biex jieqaf jagħmel ostakli għall-inkjesta dwar il-Panama Paper kif ilu jagħmel għal iżjed minn sena.
14:19pm

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jissospendi lil Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jitlob li r-rapport sħiħ ta' inkjesta jiġi ppubblikat, u kif huwa jemmen fil-verità tal-fatti u l-konklużjonijiet tar-rapport. Adrian Delia jgħid li hemm ħafna mistoqsijiet li għadhom ma ġewx imwieġba. 

Huwa jħabbar li ssospenda lil Simon Busuttil minn Shadow Minister ta' Governanza Tajba u li din il-kariga se tkun f'idejh. Jgħid li se jappoġġa lil Busuttil biex isegwi l-inkjesti li fetaħ il-Qorti.
,


18:16pm


Simon Busuttil: "Ma nara l-ebda raġuni għaliex jiena għandi nirriżenja"


Simon Busutill jgħid li Dr Delia ħa din id-deċiżjoni bla ma qara r-rapport sħiħ tal-inkjesta, li lanqas għadu ġie ppubblikat. Jispjega kif Dr Delia jrid ineħħih mill-partit, u fl-istess ħin iridu jkompli jaħdem fuq l-inkjesti li għadhom għaddejjin dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi. Iżid jgħid li din hija kontradizzjoni kbira.


Fost oħrajn jgħid li huwa kburi li qed jiġġieled għall-ġustizzja fuq dan kollu, anke jekk jibqa' waħdu. Isostni li Dr Delia għażel li jżomm ma' Joseph Muscat, minflok qed isaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. 



Għalhekk jappella lil Dr Delia biex ma jħallix lil Joseph Muscat jużah, u lanqas m'għandu juża din is-sitwazzjoni biex jipprova jeħles minnu.




21:49pm:


Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista jappoġġja s-sejħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex Simon Busuttil iġorr responsabbiltà politika u jissospendi ruħu mill-grupp parlamentari.


 



B'reazzjoni, Simon Busuttil jistqarr li l-pożizzjoni tiegħu hija magħrufa pubblikament u ma nbidlitx. Isostni li se jibqa' jaħdem għall-ġusitzzja, anke mingħajr l-appoġġ ta' Adrian Delia.


  

Reazzjonijiet:


Fost il-ħafna reazzjonijiet dwar dan il-każ, ikun hemm il-kumment ta' Rebecca Dimech. Fuq Facebook tgħid li tifhem dak li għadda minnu l-Prim Ministru għaliex l-istess nies, l-istess klikka, għamlulha l-istess. Dan wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet ħarġet storja fuqha u fuq Dr Adrian Delia.




It-Tnejn, 23 ta' Lulju 2018

"L-agħar ma kinitx il-gidba" - Dr Owen Bonnici

Il-Ministru għall-Ġustizzja jgħid li xi ħadd 'bi skop kriminali' poġġa bilqiegħda u ffalsifika dokumenti biex jagħmel frame-up fuq il-Prim Ministru u fuq il-mara tiegħu.

Dr Bonnici u anke d-Deputat Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi jgħidu li bħalma l-Prim Ministru wiegħed li se jirriżenja jekk tinstab prova kontrih, anke Busuttil għandu jagħmel hekk.  


 

#notinmyname #strongertogether



Sandanittant, Membri Parlamentari u attivisti tal-Partit Nazzjonalista qed jużaw #notinmyname #strongertogether biex jiddefendu lil Simon Busuttil.




"L-inkjesta tal-Egrant hija alljenazzjoni" - Il-Partit Demokratiku




Il-Partit Demokratiku jistaqsi kif jista' jkun li l-ħbieb tal-Gvern kienu ppreparati minn qabel bid-dettalji tar-rapport sħiħ, waqt li r-rapport sħiħ jibqa' mistur għall-pubbliku u l-ġurnalisti. 



Il-Partit jgħid li Adrian Delia għamilha iktar faċli għall-Gvern biex juża l-inkjesta Egrant ħalli jipprova jbajjad fuq l-iskandli l-oħra.



Iżid jgħid li r-riżorsi tal-Oppożizzjoni għandhom ikunu ffukati ħalli jikxfu u jkomplu jagħmlu pressjoni fuq l-iskandli l-oħra biex kollha kemm huma jitolbu r-riżenji mill-membri fil-Gvern. 



Isostni li l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta hija 'aljenazzjoni' mill-kritika Ewropea fuq l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-possibilità li l-Kummissjoni Ewropea (KE) tinvestiga l-iskandlu tal-viżi Libjani.



Adrian Delia jikteb lill-Avukat Ġenerali biex jagħti kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jikteb b'mod uffiċjali lill-Avukat Ġenerali Peter Grech biex jingħata kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta.

Jgħid li filwaqt li l-Prim Ministru għandu kopja sħiħa, huwa m'għandux kopja. Għalhekk jgħid l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma jkunx parteċipi f'dan l-iżbilanċ u jgħaddi minnufih kopja sħiħa lill-Oppożizzjoni.


Jiktiblu lura l-Avukat Ġenerali





Waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad, Adrian Delia jispjega li fis-sigħat li ġejjin l-Avukat Ġenerali ta' Malta se jkun qed jiddeċiedi jekk itihx kopja sħiħa tar-rapport. 

Jgħid li l-Avukat Ġenerali kitiblu lura u spjegawlu li dan jista' jsir biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u li ġaladarba t-talba ta' Delia fiha s-sustanza, se jkun qed jiddeċiedi fis-sigħat li ġejjin jekk jagħtihx kopja jew le.








It-Tlieta 24 ta' Lulju 2018











Michelle Muscat tistqarr li kienet trawma għaliha li tidħol il-Qorti. 



"Minħabba l-inkjesta kelli nidħol għall-ewwel darba f'ħajti l-Qorti, biex nixhed waħdi u bla assistenza, kif jitolbu l-liġijiet ta' pajjiżna. Għal xi wħud, li tidħol il-Qorti huwa normali. Għalija kienet trawma."



Tistqarr li kienu jippreferu kieku ma għaddewx minn din is-sitwazzjoni. "Bħala familja, ir-riżultat tal-inkjesta mhux xi lok għal ċelebrazzjoni għaliex konna nippreferu kieku ma għaddejniex minn dan kollu. Iżda hija lok ta' serħan għaliex dak li aħna ilna nafu mill-bidu, illum huwa ċċertifikat u hemm għal kulħadd biex jara."



"Tipprova twieġeb mistoqsijiet dwar x'jiġri eżatt jekk jeħduna l-ħabs lit-tfal"



Tirrakkonta l-uġigħ li għaddew minnu meta kellhom jispjegaw lil uliedhom x'qed jiġri. "Madankollu, l-uġigħ mhux se jmur kif ġieb u laħaq. Il-familja tagħna batiet u ġejna affettwati ħafna fuq livell personali u uman. Immaġinaw ikollkom bħala ġenituri tpoġġu bilqiegħda ma' uliedkom ta' 10 snin, u tispjegawlhom li dak li kienu qed jaqraw, jaraw u jisimgħu ma kienx veru."



"Tipprova twieġeb mistoqsijiet dwar x'jiġri eżatt jekk jeħduna l-ħabs, jew xi jkun 'istitut' għax qraw li xi ħadd kiteb li wliedna għandhom jittiħdulna. Kellna niddiskutu kif inġibu ruħna mal-cameras tat-televiżjoni u fotografi li bdew jiġru warajna kullimkien, u kif għandhom jirreaġixxu b'mod dinjituż l-iskola u postijiet oħra, meta jinqala' l-bżonn." 


 



"Nirringrazzja lil eluf ta' persuni li fdawna mill-bidu"



Filwaqt li Michelle tirringrazzja lill-persuni li fdawhom mill-bidu, mingħajr il-bżonn li jaraw ir-riżultat, tistqarr li tapprezza s-sentiment ta' dawk li kellhom dubji. "Nifhem, u napprezza bl-istess mod, is-sentimenti ta' dawk li kellhom dubji għaliex, ngħiduha kif inhi, l-istorja kienet impenġija tajba wisq biex ma titwemminx. Illum dawn il-persuni rrealizzaw li qarrqu bihom bl-akbar gidba fl-istorja politika Maltija. Lil dawn il-persuni nirringrazzjahom ukoll tal-appoġġ kbir li qed jagħtuna."



"Se nagħti aktar enerġija minn qatt qabel lill-Fondazzjoni Marigold"



Michelle Muscatt tistqarr li tħossha midjuna minn sħabha tal-board għaliex baqgħu jappoġġjawha. "Ninsab kommossa bl-imħabba murija minn sħabi tal-board ta’ tmexxija u mill-mijiet ta’ voluntiera, anki meta kienu qed jiffaċċjaw il-possibiltà li jiġu persegwitati online u fil-ħajja reali sempliċiment għax jidhru miegħi."



"Dawk li sippost jipproteġu lit-tfal ma lissnux kelma waħda"

Michelle Muscat tistqarr li ma sabux għajnuna. "Ma sibna l-ebda għajnuna minn istituzzjoni li tistenna li għandhom ikunu jafu aħjar. Dawk li sippost jipproteġu lit-tfal ma lissnux kelma waħda meta wliedna bdew jiġu vittimizzati."


"Se nieħdu parir legali" 


 Tispjega kif se timxi mal-liġi. "Kif diġà qed nieħu parir legali dwar il-passi li jmiss. Bħala ċittadina privata li nimxi mal-liġi nistenna li l-istituzzjonijiet tal-Istat jagħmlu xogħolhom u jsibu min iffalsifika dokumenti b'mod malizzjuż biex jipprova jimplika lili, lil żewġi u lill-familja tagħna. Bħala ċittadini privati se nikkonsultaw mal-avukati tagħna biex niddeċiedu l-azzjonijiet li għandna nieħdu. Nittama li ħadd ma joġġezzjona li nagħmlu hekk skont ir-Rule of Law.



Dan ma huwa se jtina xejn lura, iżda ma naħsibx li hemm ġenitur wieħed li ma jagħmilx hekk kieku familtu għaddiet minn dak li għaddejna aħna."



"Se nibqgħu pożittivi"



"Finalment, se nibqgħu pożittivi. Żewġi m’għandux problema biex jagħmel hekk għaliex huwa dejjem ottimist u l-pożittività tiegħu tittieħed minn min ikun madwaru. Inħarsu ’l quddiem li nqattgħu ftit aktar ħin flimkien bħala familja matul is-sajf, imbagħad nibdew nippreparaw biex uliedna jibdew l-iskola sekondarja. Se nagħmlu dan flimkien, bħala familja, bħal dejjem."

Marlene u Godfrey Farrugia lesti li jappoġġjaw mozzjoni ta' sfiduċja fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista



Marlene u Godfrey Farrugia, id-Deputati Parlamentari tal-Partit Demokratiku jgħidu li lesti li jappoġġjaw mozzjoni ta' sfiduċja fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Marlene Farrugia wriet diżapprovazzjoni għad-deċiżjoni ta' Adrian Delia li talab ir-riżenja ta' Simon Busuttil.

2 comments:

  1. BIR-RISPETT kollu.... fl-20 ta' April 2017 mhux biss kitbet Dafni fuq il-blogg tagħha, iżda Simon Busuttil u l-PN kollu flimkien ma' The Times of Malta, The Malta Independent u Newsbook, għamlu din il-gidba faħxija kollha tagħhom.

    ReplyDelete
  2. Ghax ma tellawx programm specjali fuq dan il-kaz ? Jew Peppi qieghed jibza li ikompli jitfa lil-PN l-isfel.

    ReplyDelete