best deal

Tuesday, 3 July 2018

BIL-FILMAT: Dan ir-raġel tawh 3 attakki tal-qalb u stroke


Elton. 6 snin ilu jagħtuh 3 attakki tal-qalb.

F'Ottubru li għadda jkun fil-periklu tal-mewt. "F'Ottubru li għadda kelli brain haemorrhage. Dabet vina ġo rasi. Din ġeneralment ma ssalvax biha. Għedt ħa mmur niġbor lit-tifla mill-Università biex inwassalha lura. Waqafna għand ħanut li jbigħ l-affarijiet tal-pjanti u bdiet tuġġagħni rasi. Tant bdejt inħoss uġigħ li lit-tifla għedtilha li ma nistax insuq u biex iċċempel lil ommha ħalli tiġi għalija."

Elton jittieħed l-isptar u jagħmel ħamest ijiem f'koma. "Għamilt ħamest ijiem ġo koma. Imbagħad ipprovaw iqajmuni u bdejt inqum ftit. Però għadni ma niftakarx. Jiġifieri l-ewwel ġimagħtejn tiegħi l-isptar, ma niftakar xejn."

Iqum mill-koma u jibda jaħseb f'uliedu. "It-tifla tiegħi l-kbira ħa tiżżewweġ is-sena d-dieħla. Dik kienet waħda mill-affarijiet li affettwati mill-ewwel. It-tifla l-oħra kienet għadha kemm bdiet l-Università u kont għadni ma rajthiex tmur l-Università. Huma affarijiet li tawni qanqlu dwejjaq kbar ġo fija."

Elton ma setax ilissen isem martu u ta' wliedu. "Jien wasalt fi stat li lanqas stajt ngħid l-isem tal-mara tiegħi u l-isem tat-tfal tiegħi. Ma kontx naf ngħid l-isem tagħhom. Jiġifieri għalija kienu number 1, number 2 u number 3."

U joħroġ mill-isptar u jingħaqad mal-familja. Elton ilu 5 snin jagħmel l-Alive Challenge. Sfida bir-roti li ssir biex jinġabru l-flus għall-kanċer. Lil Elton jgħidulu li din is-sena mhux se jkun jista' jagħmilha. "Li ħriġt minn hemm u qiegħed id-dar kont kuntent. It-tabib kien qalli li mhux se jirnexxili nerġa' noħroġ bir-rota u li mhux se nkun kapaċi nagħmel l-Alive din is-sena."

U f'Marzu li għadda jingħata sorpriża. "F'Marzu li għadda meta għamluli l-engogram qaluli li kollox qiegħed f'post u li nista' nagħmel l-Alive Challenge din is-sena stess."

Minkejja li kellu 3 attakki tal-qalb u stroke, f'Lulju li ġej Elton ħa jagħmel 1,200km bir-rota. Iva, 1,200 km. "Avolja għall-ewwel xtaqt li nagħmel forsi ġurnata jew jumejn minnhom u nieqaf. Illum il-ġurnata ngħid li kollha ħa nagħmilha, mill-bidu sal-aħħar."

Filmat: Matthew Vassallo
Muntaġġ: Joshua Azzopardi

No comments:

Post a Comment