best deal

Thursday, 17 May 2018

"Ġimagħtejn oħra konna se niċċelebraw għeluq sninu" - Renato



Darren Douglas miet il-lejl li għadda, wara li kien ilu 31 sena fis-sodda kawża ta' inċident li kien ġarrab.

Aħna tkellimna mal-kantant Renato, li kien wieħed mill-ikbar ħbieb ta' Darren. Jgħidilna kif it-telfa tiegħu hi iebsa ħafna. "Darren kien l-ikbar ħabib tiegħi. It-telfa tiegħu hija iebsa ħafna u nħoss li qisha mietet parti minni. Konna ilna ħbieb 'il fuq minn 25 sena u konna qed nippreparaw għeluq sninu li għalih kienu ġejjin ikantaw ħafna kantanti, bħal Amber, Thea Garrett, Mary Rose Mallia u Ian Robinch. Kien se jkun birthday speċjali għax kien ħa jagħlaq 50 sena. Però issa sfortunament mhu ħa jiġri."



Kien l-awtur Anton Grasso li laqqa' lil Renato ma' Darren. "Ġejt mistieden minn Anton Grasso biex inkanta għall-birthday party ta' Darren. Minn dakinhar bdejna niltaqgħu u lanqas kienet tgħaddi ġimgħa li ma konniex niltaqgħu. Bħas-Sibt kont nieħu gost immur ħdejh għal xi 3 sigħat, u għalija din kienet tkun l-isbaħ ħarġa."


Renato kien isejjaħlu l-maniġer tiegħu. "Kien bniedem li kien jispirani f'ħafna affarijiet. Minkejja li kellu inċident fil-pool u kien qasam is-sinsla ta' dahru, xorta baqa' pożittiv. Meta konna niltaqgħu dejjem konna nidħku u nieħdu pjaċir. Kont insejħlu l-maniġer tiegħi għax kull ħaġa li kien ikolli fuqi l-kompjuter, hu kien jagħmilhieli."


Kienet telefonata li qatt ma ried li jirċievi. "Dalgħodu ċemplet oħtu Rose, u meta qaltli Alison, dak il-ħin issummajt.  Nixtieq li jitlob għalina, għal familtu, għal ommu, li għalija hija qaddisa, għax għamlet dawn is-snin kollha, wara l-inċident, dejjem id-dar tieħu ħsiebu. Għalhekk nitolbu jitlob għalina għax it-telfa ta' ħabib bħal dak, hi iebsa wisq," itemm jgħidilna Renato.


Xarabank jagħti l-kondoljanzi lill-familja Douglas.

1 comment: