best deal

Wednesday, 18 April 2018

BIL-FILMAT: Tilef lil ommu ta' 21 sena u qabad oġġett għal kull sena li għexet u indurahom bid-deheb


Tliet snin ilu Matthew tilef lill-mamà tiegħu bil-marda tal-kanċer. Kellha 57 sena u qabad 57 sena oġġett, imbagħad tahom dehra kompletament biex jibqa' jfakkar il-memorja tagħha.


Aħna tkellimna ma' Matthew li jgħidilna kif ommu mardet bil-kanċer darbtejn. "9 snin ilu ommi mardet bil-kanċer tas-sider. Ħadet il-kura u fieqet għal ħames snin. Però sena wara, reġa' qabadha kanċer. Din id-darba kien wieħed terminali għax kien fl-għadam. Infirex kullimkien u tant kienet qed tbati li f'temp ta' sena ħallietna."

Dak iż-żmien Matthew kellu biss 21 sena. Jistqarr li minkejja li jħoss in-nuqqas tagħha, jaf li issa mhijiex qed tbati. "Meta mardet bil-kanċer tas-sider, kien hemm tama ta' fejqan, u allura t-tbatija kienet worth it. Però fl-aħħar kanċer, ommi kienet biss qed iġġedded ħajjitha. Kienet miżerja. Ma kinitx tiflaħ tiċċaqlaq, snienha kienu qed jinqalgħu u xagħarha kien qed jaqa'. Għamilt li stajt magħha u dort biha iżda meta rajt lill-għażiża ommi f'dik il-qagħda u naf li ma tistax tfiq, għedt aħjar issa li straħet u ma nkunx egoist li ngħid li nixtieq li qiegħda miegħi, meta naf kemm kienet qed tbati."

Għal Matthew, ommu kienet tfisser kollox. U biex ifakkar il-memorja tagħha, qabad 57 oġġett, kemm kellha ommu meta mietet biex ifakkar il-ħajja ta' ommu mit-tfulitha sa meta mardet, sena b'sena. Fost l-oġġetti, hemm żibġa li kienet tagħha meta kienet tifla u bott li fih kienet iżżomm meta mardet. 

"L-oġġetti li użajt għall-esebizzjoni huma kollha ta' ommi. Bdejt naħseb daqsxejn x'kienet tgħid u tuża ommi matul is-snin, mit-tfulija sa meta mietet. Fost l-affarijiet hemm żibġa li kienet tilgħab biha meta żgħira, munità, u affarijiet relatati mal-marda tagħha, bħalma huwa l-bott tal-pirmli u l-inhaler."

Dawn l-oġġetti indurahom bid-deheb u jgħidilna għaliex. "Indurajthom bid-deheb biex metaforikament nuri li huma prezzjużi. Fl-istess ħin, hekk biddilthom u l-oġġetti kważi kważi lanqas baqgħu jingħarfu. Tajthom 'ħajja' ġdida u meta jirbħuhom in-nies, il-ħajja t'ommi hekk tkun kibret."


Ritratt: Elisa von Brockdorff

Din l-esebizzjoni jisimha Win u tista' tmur tara fl-esebizzjoni li qed tittella' fil-Kavallier ta' San Ġakbu sal-Ħadd li ġej. 

Il-kuratriċi ta' din l-esebizzjoni hija Dr. Irene Biolchini.


No comments:

Post a Comment