best deal

Wednesday, 28 March 2018

"Wara li tani panic attack, tkeċċejt mix-xogħol"



Din l-istorja ta' żagħżugħ ta' 24 sena li għal dawn l-aħħar 7 sena ilu jbati mill-bipolar.



Wara li segwa l-programm ta' Xarabank fuq is-saħħa mentali u sema' lil Christabelle, li rebħet il-Eurovision Song Contest bid-diska Taboo u nħatret ambaxxatriċi għas-saħħa mentali, titkellem, dan iż-żagħżugħ ħass il-ħtieġa li jaqsam l-istorja tiegħu.

Ta' sikwit kien iħoss dwejjaq kbar. Induna li kien qed ikun imdejjaq, avolja ma jafx għalfejn. Sakemm darba ddeċieda li jmur ifittex għall-għajnuna. "Kont inħossni imdejjaq ħafna. Dwejjaq ma nafx minn fejn ġej u kelli stress kbir f'ħajti. Kont qed inħoss kollox nieżel fuqi biċċa biċċa. Spiċċajt li min ikellimni, nibilgħu jew nieħu għalija. Wara ħassejt il-ħtieġa li nfittex il-kura. Mort għand diversi professjonisti u maż-żmien indunajt li l-kura li jagħtik il-psikjatra għandek toħodha dejjem u kif sippost."


Jgħidilna kif spiċċa tkeċċa mix-xogħol wara panic attack. "Qabel ma dħalt naħdem ingħatajt ħafna taħriġ u ġejt assessjat medikament ħalli l-kumpanija li applikajt għaliha tkun taf jekk jgħoddx għalija x-xogħol. Din is-sejħa ngħatat lill-ETĊ speċifikament għall-persuni b'diżabilità. Aċċettawni imma ma domtx 3 ġimgħat fih. Mhux l-ewwel darba li s-superjuri tiegħi ġibduli l-attenzjoni li ma kontx produttiv biżżejjed. Wissewni wkoll fuq l-imġiba tiegħi u qaluli li l-problemi tiegħi m'għandix neħodhom miegħi fuq il-post tax-xogħol. Darba waqt ix-xogħol, tani panic attack u tlaqt mix-xogħol. Wara rċevejt telefonata li tkeċċejt mix-xogħol u qaluli li ma kienx jgħodd għalija."


Jistqarr li l-problemi tas-saħħa ġġorrhom kullimkien. "Il-problemi ta' saħħtek iġġorrhom kullimkien, anke fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk trid min jifhmek mija fil-mija għax inkella tkun qed tagħmel iktar ħsara milli ġid lilek innifsek. Kull persuna fid-dinja, għandha ssib xogħol adattat, irrevelanti l-kundizzjoni jew id-diżabilità tiegħu. Fid-dinja kull xogħol huwa bżonjuż u kulħadd għandu sehem x'jagħti. Min jiflaħ ħafna, jagħti ħafna u min jiflaħ ftit, jagħti ftit, kulħadd skont l-abbiltà tiegħu."


Dan iż-żagħżugħ isostni li minħabba din il-kundizzjoni, ma tantx għandu ħbieb. "Il-ħbiberija u s-soċjalizazzjoni huma ferm diffiċli biex takkwistahom għax min ikun miegħek ma jkunx jista' jifhem eżatt il-problemi li  tkun għaddej minnhom."

Jistqarr li l-mediċina hi utli, iżda jħoss il-bżonn li nies bħalu jiġu mifhuma iżjed. "Li tqum mis-sodda diġà hi xi ħaġa kbira, meta tkun b'dipressjoni. Il-mediċina tgħin biex ittella' ftit il-moral, imma ta' madwarek iridu jifhmu tajjeb minn xiex tkun għaddej. Iridu jilbsu ż-żarbun tiegħek. Nixtieq li titqajjem iżjed kuxjenza biżżejjed għal min ibati minn saħħa mentali, b'diversi programmi oħra bħalma diġà ttella' dan l-aħħar."


Illum dan iż-żagħżugħ qiegħed jaħdem u qed jingħata s-sapport mill-kollegi tiegħu. Itemm jgħid, "Il-kundizzjoni tmur għall-aħjar, bil-kura, billi titkellem mal-professjonisti, li s-soċjetà jkollha iktar għarfien u fl-aħħar u mhux l-inqas, l-imħabba u l-paċjenzja li ħaddieħor għandu jkollu lejn min ibati b'dan il-mard biex ilkoll nimxu id f'id. Wara kollox il-ħajja bħal katina b'ħafna ħoloq. Jekk tinqata' waħda ma tibqax iktar sħiħa."


Dan iż-żagħżugħ għandu xewqa kbira li jiltaqa' mal-ambaxxatriċi tas-saħħa mentali, Christabelle.

No comments:

Post a Comment