best deal

Friday, 9 February 2018

BIL-FILMATI: Minn Ħadd Għalik għall-Eurovision


Din Sarah Micallef Muscat, kantanta residenti ta' Ħadd Għalik. Ftit jiem ilu l-kantanti tal-Eurovision stess fil-programm ta' Ħadd Għalik wassluha biex tieħu deċiżjoni. Dik li s-sena d-dieħla titfa' kanzunetta għall-Eurovision.

Minkejja li minn meta kienet żgħira kienet tħobb tkanta, kien biss is-sena l-oħra li qabdet din il-karriera. Kif ma qabdithiex qabel? "Ħafna nies jafuni mill-karattru li kont ninterpreta fuq Ħbieb u Għedewwa. Fil-fatt, qabel kont nirreċta biss għax kelli iktar opportunitajiet. Minn dejjem xtaqt inkanta iżda f'dan il-qasam trid tinvesti. Ommi single-parent u dik kienet tillimitana finanzjarjament. Dejjem għamlet li setgħet u qatt ma naqsitni mix-xogħol. Ħafna drabi tibqa' lura hi biex tarani kuntenta. Is-sena l-oħra bdejt naħdem u ħassejt li issa nista' ninvesti fil-kant. Dort lejha u għedtilha, 'Ma, ħalli f'idi. Se naħdem għaliha jiena.'"





U interview mal-WE Media, jiftħilha l-bibien tal-kant. "Is-sena l-oħra kien hemm sejħa għall-ġurnalisti u applikajt. Però l-post imtela minn xi ħaddieħor iżda t-tim raw potenzjal fija. Spiċċajt naħdem fl-operazzjoni tal-WE. Kull min jaħdem miegħi jaf li nkanta ħafna, tant li nispiċċa ndejjaqhom ħafna drabi. Darba kont qiegħda fl-uffiċċju u semgħetni Angie Laus, u dak il-ħin xegħlet bozza. Avviċinawni biex nibda nkanta ma' Ħadd Għalik u għedtilhom: 'Bil-qalb kollha.'"

Ġimagħtejn ilu sar programm speċjali tal-Eurovision ta' Ħadd Għalik. U hemm terġa' tinqaleb paġna ġdida għal Sarah. "Kont naf li jsegwuh in-nies, programm bħal dak, però ma kontx naf li daqshekk. Irċevejt ammont kbir ta' kummenti u veru apprezzajthom, l-iktar dawk li ġew mill-kantanti għax huma ġejjin minn dan is-settur. Jiena u nkanta ħassejt lill-kantanti jqumu minn warajha, u ħafna ġew jgħiduli proset u staqsew min jien."

Dan mela lil Sarah b'kuraġġ kbir biex is-sena d-dieħla tieħu sehem fil-Eurovision. "Kien ħafna drabi li qtajt qalbi, inkluż f'Ħadd Għalik. Mumenti fejn ħsibt li jien m'iniex tal-istess livell bħall-kantanti l-oħra. Ġimagħtejn ilu tant kemm imtlejt b'kuraġġ li għandi l-ħsieb biex napplika għall-Malta Eurovision Song Contest is-sena d-dieħla."


Ittemm billi tirringrazzja lil kulħadd, b'mod speċjali lil ommha. "Lanqas għandi kliem biex nirringrazzjahom lin-nies li jappoġġjawni. B'mod speċjali lil ommi, li mingħajrha min jiena xejn. Mingħajr il-kant ma jkollix sanità. Ma nħossx li nkun kapaċi ngħix mingħajr il-kant."

Kif qed insemmu l-Eurovision ... illejla tinsiex tara Xarabank għax se jkollna lir-rebbieħa tal-MESC, lil Christabelle!

No comments:

Post a Comment