best deal

Friday, 19 January 2018

Jitlef 3 kliewi tiegħu fi 3 snin u jista' jkun qiegħed il-ħabs għalxejn



Dan Chris Bartolo. Sa ftit snin ilu Chris kien raġel jaħdem u jarmi s-saħħa. 

Però wara marad serjament. Fi tliet snin tilef 3 kliewi. Bħalissa Chris jinsab il-ħabs, bla kliewi u jista' jkun li qiegħed il-ħabs għalxejn.

Din hija l-istorja kollha.


Chris kien jgħix ħajja normali ħafna. Kien jaħdem minn filgħodu sa filgħaxija u qatt ma kellu inkwiet mal-Pulizija, u ma kellux vizzji.

Però oħtu qabadha kanċer u mietet. Din Chris ħadha bi kbira ħafna u għal xi żmien wara li mietet beda jħossu ma jiflaħx. Beda jħoss sturdament u uġigħ, u ħaseb li dan kollu kien qed jiġrilu minħabba t-telfa t'oħtu. Iżda mar jagħmel xi testijiet.


Imbagħad darba kien qiegħed ix-xogħol. Iċempluli mill-isptar u jgħidulu: "Jew tiġi issa, jekk niġu għalik b'ambulanza." Lil Chris joħduh l-isptar u jgħidulu li marrulu ż-żewġ kliewi. Chris spiċċa bla kliewi. 

Dak iż-żmien Chris kien f'Xarabank jirrakkontalna kollox. 

Bla kliewi, il-bniedem imut. Chris jibda sensiela ta' operazzjonijiet u jagħmel sigħat sħaħ imwaħħal mal-magni biex jippruvaw isalvawlu ħajtu. Minn dakinhar, il-ħajja ta' Chris tinqaleb ta' taħt fuq. Biex isalva, Chris ikollu bżonn kilwa. Sarah, l-ekstfajla tiegħu, tisma' li Chris għandu bżonn l-għajnuna u tibda tipprova tgħinu biex isib kilwa.

Dak il-perjodu f'Xarabank konna stedinna lil Chris u lill-ekstfajla tiegħu biex ngħinuhom isibu kilwa għal Chris.


Wara dan il-programm, Sarah tirċievi rispons enormi. Għexieren ta' nies jgħidulha li jixtiequ jagħtu kilwa lil Chris u mijiet ta' nies oħra jinkitbu biex wara mewthom jagħtu l-organi tagħhom għal min hu fil-bżonn. Ir-rispons tant ikun qawwi, li l-ġimgħa ta' wara, Sarah terġa' tiġi f'Xarabank biex tirringrazzja lill-Maltin.

Dakinhar fost in-nies li jkun qed jaraw Xarabank mid-dar, ikun hemm Stephen. Wara l-programm, huwa jċempel lil Sarah u jgħidilha li jrid jagħti kilwa minn tiegħu lil Chris.

Jagħmlulhom it-testijiet u l-kilwa taqbel. Chris u Stephen jidħlu l-isptar u jsir it-trapjant. L-operazzjoni ddum 8 sigħat. U din tirnexxi. Jumejn wara l-operazzjoni, f'Xarabank tkellimna ma' Chris u ma' Stephen bit-telefown. Kollox ikun sejjer tajjeb. Iżda...

Fi żmien li jdum jistenna li tinstablu kilwa, Chris ikun muġugħ ħafna, u minkejja l-pirmli li jagħtuh, l-ugigħa ma kienx iħalli jorqod. Biex itaffi l-uġigħ, jibda jpejjeġ il-ħaxixa. Chris qatt ma kien ħa droga u ma kienx jaf x'effett tħalli. Jipprovaha u din taħdem. Ittaffilu l-uġigħ u tgħinu jorqod billejl wara jiem sħaħ imqajjem.


Minħabba l-kundizzjoni tiegħu, Chris ma jkunx jista' jaħdem u allura jispiċċawlu l-flus. U meta jispiċċawlu l-flus, bħal ħafna nies oħra li jieħdu d-droga, Chris jibda jbigħ il-ħaxixa lill-ħbieb tiegħu ħalli jkollu biex jixtri tiegħu wkoll.

Lil Chris jarrestawh, isibulu 160 gramma ħaxixa, u jtellgħuh il-Qorti akkużat bi traffikar ta' droga. Sakemm ikun tiela' u nieżel il-Qorti, Chris jibqa' jikkumbatti biex isalva ħajtu. Isir it-trapjant tal-kilwa, jirnexxi, l-uġigħ jispiċċa, u Chris jieqaf jieħu l-ħaxixa għax jibqagħlux iktar bżonnha. Però sadanittant, is-sentenza tal-Qorti tibqa' mdendla fuq rasu.

F'April li għadda, il-Qorti taqta' s-sentenza u twaħħal lil Chris 5 snin ħabs u €15,000 multa. Chris jispiċċa l-ħabs bil-kilwa ta' Stephen ġo fih. Biex il-ġisem tiegħu jidra l-kilwa l-ġdida, Chris ikollu bżonn ħafna pilloli kuljum, kura kontinwa u post nadif fejn joqgħod. Il-kundizzjonijiet fil-ħabs huma terribbli għal xi ħadd li qiegħed fil-pożizzjoni ta' Chris.

Chris ma jistax jixrob ħafna, u fis-sajf, fil-ħabs, bla arja kkundizzjonata, ikun se jiġġennen. Chris jallega li darba minnhom, il-ħabs ma tawhx il-mediċina wkoll. Fil-kundizzjonijiet ħżiena li jkun fihom, lil Chris tmurlu kwila oħra. It-tielet waħda. Il-kilwa li tah Stephen. 

Stephen jisma' x'ġara u jiġi l-uffiċċju ta' Xarabank jinsisti li jrid jitkellem. Dakinhar, Stephen jitkellem għall-ewwel darba ma' Xarabank.com.mt 

L-istorja ma tiqafx hawn. Ftit ġimgħat ilu, il-Qorti Kostituzzjonali waslet għall-konklużjoni li meta arrestaw lil Chris, huwa ma kienx f'kundizzjoni ta' saħħa tajba, u minħabba f'hekk, il-każ kollu tiegħu għandu jerġa' jibda jinstema' mill-bidu. Il-Qorti ddikjarat li dak kollu li ġara s'issa huwa null.

Dan ifisser li Chris għadu mhuwiex ħati u xorta waħda qiegħed il-ħabs. Dan ifisser li Crhis mhux biss qiegħed il-ħabs mingħajr kliewi, bla saħħa u f'kundizzjonijiet ħżiena imma jista' jkun ukoll li Chris qiegħed il-ħabs għalxejn.

No comments:

Post a Comment