best deal

Saturday, 30 December 2017

Ir-raġel li fetaħ supermarkets ma' Malta kollha jirbaħ l-unur tal-'Employer' tas-Sena


Il-bniedem li vvinta l-Convenience Shop għadu kif rebaħ l-Unur tal-Impjegatur tas-Sena' fis-serata tal-Premju Ħaddiem tas-Sena, organizzata mill-Gvern.

Ivan Calleja fetaħ l-ewwel Convenience Shop f'Ħaż-Żebbuġ 7 snin ilu, u minn dakinhar, ma ħarisx lura, minkejja l-kompetizzjoni enormi li għandu ma' stabbilimenti kbar oħra li jbiegħu l-ikel u l-affarijiet tad-dar. Illum Ivan irnexxielu jiftaħ 50 Convenience Shop, iħaddem aktar minn 400 impjegat, u ġie ddikjarat bħala l-Impjegatur tas-Sena għall-inizjattivi li jieħu biex jgħin lill-ħaddiema tiegħu u lin-nies fil-bżonn.

"Biex tagħmel suċċess irid ikollok tliet affarijiet: trid tkun umli, irid ikollok viżjoni ta' fejn trid tasal, u trid tkun taf kif tqassam il-ġid tiegħek bl-aqwa mod biex igawdi kulħadd," spjegalna Andrew Attard, l-Operations Manager tal-Convenience Shops. "U Ivan għandu dawk it-tliet kwalitajiet."

Il-Premju tal-Impjegatur tas-Sena jingħata lil dak l-intraprenditur li mhux biss ikun għamel suċċess kbir fin-negozju tiegħu, imma wkoll li jkun uża l-ġid li ħoloq biex itejjeb il-qagħda tas-soċjetà. U f'din il-ħaġa lil Ivan ma tantx tista' tikkompetilu.

Ivan u t-tim tiegħu bdew l-iStarter Packs ma' Puttinu. Qed jibagħtu ikel, xorb u affarijiet tad-dar f'kull flett ta' Puttinu fl-Ingilterra, biex kull familja Maltija li titla' għall-kura u tidħol toqgħod fil-flett, issib l-ikel, ix-xorb, u l-affarijiet kollha li għandha bżonn għall-ewwel jumejn lesti, mingħajr ma jkollha għalfejn tħabbel moħħha minn fejn se tmur tixtri.

"Il-familji li jitilgħu l-Ingilterra jkunu taħt xokk kbir," spjegalna Andrew. "U l-inqas ħaġa li jkollhom moħħ malli jaslu hi li jfittxu supermarket minn fejn se jixtru x'jieklu. Għalhekk aħna nieħdu ħsieb nimlewlhom il-flett b'dak kollu li għandhom bżonn sakemm jissetiljaw u jidraw il-post."

Inizjattiva oħra li minħabba fiha Ivan rebaħ dan l-Unur hija li jaħdem id f'id mal-Caritas biex kull persuna li tlesti b'suċċess il-programm biex taqta' l-vizzju tad-droga, joffrulha taħriġ professjonali u xogħol f'wieħed mill-ħwienet tagħhom.

U lill-aktar minn 400 ħaddiem li jaħdmu magħhom joffrulhom terapija psikoloġika b'xejn ukoll.

"Konna nindunaw li hemm ħaddiema li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli imma ma jitkellmux għax jibżgħu li se taffettwalhom ix-xogħol," qalilna Andrew. "Għalhekk introduċejna inhouse therapy li hija totalment kunfidenzjali. Jiġifieri l-impjegatur ma jkunx jaf li l-ħaddiem mar għat-terapija, biex il-ħaddiem iħossu liberu li jfittex l-għajnuna."

Dan biex ma nsemmux id-donazzjonijiet li jingħataw lil istituzzjonijiet bħall-Inspire u l-Malta Community Chest Fund, li jiġu mid-dħul li jiġġenera l-bejgħ ta' dawn il-ħwienet.

Minn ħanut wieħed f'Ħaż-Żebbuġ, Ivan irnexxielu jiftaħ 50 ħanut mifruxin ma' Malta kollha, u ma jidhirx li għandu ħsieb li jieqaf! Filwaqt li nawguraw lilu u lit-tim tiegħu kull suċċess, inħeġġu aktar impjegaturi biex jieħdu l-eżempju tiegħu u jibdew inizjattivi bħal dawn.

Hawn taħt tista' tara l-mument meta Ivan rebaħ il-Premju:

No comments:

Post a Comment