best deal

Saturday, 30 December 2017

Eluf ta' Maltin ixxukkjati bl-aħbar li Danusan se jinfirdu


Eluf ta' Maltin u Għawdxin għadhom ixxukkjati bl-aħbar li l-koppja komika Danusan se jinfirdu darba għal dejjem.

Konna ilna nisimgħu b'din ix-xniegħa, imma lbieraħ (il-Ġimgħa) ikkonfermajnieha u konna f'pożizzjoni li nħabbruha fuq il-paġna ta' Facebook ta' Xarabank. Minn dak il-ħin, l-uffiċċju ta' Xarabank daħlulna baraxx ta' telefonati u emails jistaqsuna għalfejn ġara hekk.


Dan is-sit għadu qed jipprova jikseb aktar informazzjoni dwar ir-raġuni jew raġunijiet għalfejn Danusan iġġieldu, u jidher li llum (is-Sibt) f'nofsinhar se jkunu qed jagħmlu Konferenza tal-Aħbarijiet fuq il-paġna ta' Facebook tagħhom li fiha se jagħtu r-raġunijiet tagħhom għalfejn mhux se jibqgħu "d-Danusan."

L-aħbar xterdet bħal-leħħa ta' berqa wara li lbieraħ, fuq il-paġna ta' Facebook ta' Xarabank tellajna video blog ta' Peppi Azzopardi jispjega li d-Danusan mhux se jkunu aktar f'Xarabank għaliex se jinfirdu.

"Din hija xi ħaġa li lili tinkwetani, mhux biss għaliex Danusan huma koppja li jagħmlu satira tajba ħafna f'Malta, imma anke għaliex f'Xarabank ta' spiss ikunu protagonisti bħala Josh u Sean," qal Peppi Azzopardi fil-video. "U jiena ngħid...issa x'se nagħmlu mingħajr Danusan?" kompla b'diqa u b'vuċi miksura.

Daniel Chircop u Chrysander Agius, iktar magħrufa bħala d-duo DANUSAN, bdew l-karriera tagħhom flimkien madwar tmintax-il sena ilu fuq NET TV, f’diversi produzzjonijiet bħal Mini Bugz u Zinners. Minn hemmhekk, imbagħad, komplew biex mxew fuq stazzjonijiet oħra fosthom ONE TV u TVM fejn ħadmu produzzjonijiet oħra varji bħal Teletubi, Skartoċċ u VIP Show. Għal dawn l-aħħar snin kienu wkoll fuq ir-radju.

Fl-2004 kienu jiffurmaw parti mill-grupp komiku ZOO, u għal dawn l-aħħar ħames snin iffurmaw id-duo popolari DANUSAN b’karratri famużi mal-Maltin, bħal Josh u Sean, il-Fuzzy, Vinnie, u Ġorġ l-Għannej tal-Mulej, fost ohrajn.

Sal-bieraħ stess, Danusan kienu għadhom fuq ir-radju bil-breakfast show tagħhom u waranofsinhar dehru wkoll fuq il-programm li jippreżentaw flimkien - TwelveTo3.

Aktar informazzjoni hekk kif tidħlilna.

2 comments: