top bar

Thursday, 7 December 2017

BIL-FILMAT: "Ma nistax nieqaf naħseb fuq Milka" - Amber


Il-kantanta Amber tippreferi ma tmurx vaganza biex tmur tagħmel xahar il-missjoni.

Ninni la Tibkix Iżjed hija kanzunetta rinomata f'dawn iż-żminijiet. Però din ħadet xejra differenti għaliex Amber rabtet l-istorja ta' din il-kanzunetta mat-tfal li għexet il-faqar tagħhom fil-missjoni ġewwa l-Afrika.


"Din il-kanzunetta kienet tfakkarni f'ħafna affarijiet ta' tfulija imma meta bdejt immur il-missjoni ħadet xejra oħra. Il-kliem tagħha jitkellem fuq kif Ġesù twieled fil-faqar. U meta bdejt immur l-Afrika, din il-kanzunetta bdiet tfakkarni f'dawn it-tfal tal-missjoni li jgħixu l-ħajja tagħhom ġurnata b'ġurnata fil-faqar u l-unika ħaġa li għandhom fiċ-ċert huwa dak il-mument li qegħdin jgħixu fih. B'din id-diska pprovajt ngħaqqad it-twelid ta' Ġesù man-nies li għadhom jgħixu fl-istess faqar li Ġesù għex fih."



Amber ilha titla' tmur il-missjoni għal dawn l-aħħar ħames snin. "Jiena nagħmel parti mill-għaqda Mzungu Mission fejn kull sena jkollna proġett. Inkunu ilna sena sħiħa naħdmu biex dawk it-3 ġimgħat jew xahar li ntqattgħu hemmhekk iħallu l-frott. Il-missjoni saret tidentifikani. Jiena Amber li nkanta u li nagħmel parti mill-grupp li jitla' l-missjoni. Tant kemm saret importanti ħafna, li nippreferi ma mmurx vaganza u mmur nagħmel xahar il-missjoni."



Amber tħoss sodisfazzjoni kbir meta titla' hemmhekk. "B'mod egoist inħoss ċertu sodisfazzjoni fija nnifsi, ċertu paċi u serenità meta nkun l-Afrika għaliex hemm inkun maqtugħa minn kollox. Jiena veru neqred u ngorr fuq affarijiet sempliċi li ma jkollix, u l-missjoni tgħinni nirrifletti fuq dawn it-tfal li lanqas affarijiet neċessarji m'għandhom u xorta huma kuntenti. Però nħoss ukoll għafsa ta' qalb. Meta tkun hemm fuq bla ma trid toħloq ċertu rabta man-nies, speċjalment mat-tfal u meta tiġi biex titlaq tibda tgħid li f'dawn il-ġimgħat tajthom idea ta' kif inhi ħajja aħjar u min jaf issa x'se jiġri minnhom la nitlaq jien."



Amber ma tistax tieqaf taħseb fuq Milka. "Il-ħin kollu naħseb fuq Milka. Li kieku stajt qbadt u ġibtha miegħi għax tal-inqas Malta jkollha l-futur. Minn dawn il-postijiet tgħallimt li tifla agħar minn tifel. Jiġifieri li kieku stajt neħodha miegħi Malta, kieku żammejtha 'l bogħod mill-prostituzzjoni u 'l bogħod mill-abbużi. Nitlob biss li tkompli bl-iskola u li tirnexxi f'ħajjitha."


Amber il-ħin kollu titfakar fuq dawn it-tfal. "Bla ma trid jaqgħu ħafna ħsibijiet fuqi u dawn jibqgħu sena sħiħa. Naħseb fuq xiex naħseb, dejjem naħseb fuqhom. Nibda nistaqsi min jaf x'sar minnhom? Min jaf jekk għandhomx x'jieklu? Dan ix-xahar iktar u iktar jiġuni dawn il-ħsibijiet. Anke nkun fis-sodda bil-kura, nibda ngħid min jaf dawn it-tfal humiex fix-xita u jekk għandhomx biex jistkennu? Bla ma trid tibda taħseb f'ħaddieħor iktar milli fuqek għax tkun rajt u għext ħajja differenti." 

Dan il-vidjow ittella' bl-għajnuna ta' Olwyn Jo Saliba u Elton Zarb. 

No comments:

Post a Comment