top bar

Monday, 18 September 2017

Qatta ġrieden ġewwa l-Belt Valletta!


Il-Belt Valletta qed tipprepara biex tkun il-Belt Kapitali Ewropea fl-2018 u s-suġġett tal-ġrieden taħt il-Belt Valleta jidher li se jerġa' jqajjem rasu. 


Imma tinkwetax għaliex il-ġrieden se jkunu biss iċ-ċentru ta' spettaklu ta' mużika, teatru u satira għall-familja kollha!

Qatta Ġrieden huwa l-ewwel proġett ta' Xenati Teatrali u fih se jieħdu sehem Clive Piscopo, Charles Sammut, Christine Francalanza, Alison Abela, Gilbert Formosa, Jamie Cardona, Justin Galea u Renato Dimech, fost atturi oħra. 

Din l-istorja se teħodna xi mkien taħt il-Belt Valletta, fejn qatta ġrieden jinsabu f'paniku u milli jidher xi ħadd mid-dinja ta' fuq jixtieq jibni parkeġġ taħt l-art!

Il-Ġrieden tat-Teatru Manoel, tal-Qrati u tal-Biblijoteka u dawk tal-Katidral fost oħrajn isejħu laqgħa straordinarja biex jiddeċiedu x'se jagħmlu. Fejn se jmorru? Min minnhom ħaqqu l-ikbar u l-aħjar post? U fuq kollox, min minnhom se jiddeċiedi? 

Imma x'se nkunu qed nistennew f'dan l-ispettaklu? Id-direttur Gilbert Formos jgħidilna:"Qatta ġrieden huwa spettaklu għall-familja kollha. It-tfal se jieħdu gost mod u l-kbar se jieħdu gost jaqbdu affarijiet sottili li jfakkruna fid-dinja tagħna l-bnedmin. Apparti minn hekk, hemm kast ta' atturi tal-ġenn li kollha se jġibu xi ħaġa interessanti lill-karattri tagħhom." 

Meta? Il-Ġimgħa 29 u s-Sibt 30 ta' Settembru, fit-8:00pm, u l-Ħadd l-1 ta' Ottubru fis-7:30pm. Fejn? Fis-Sala San Duminku, fi Triq Strada Merkanti, il-Belt Valletta (taħt il-Knisja ta' San Duminku). Prezz? €12 għal min se jqattagħhom qabel u wara jkunu €15, u €8 għat-tfal bejn 5 u 10 snin.

Dan l-ispettaklu se jitmexxa taħt id-direzzjoni ta' Gilbert Formosa, b'kitba ta' Anna Pullicino u b'mużika ta' Duo Kukkanja taħt id-direzzjoni ta' Justin Galea. Dan il-proġett huwa kkummissjonat minn Notte Bianca. 

No comments:

Post a Comment