top bar

Thursday, 3 August 2017

“Kelli bżonn urġenti lil Dr Deo u ma setax jaqdini”



Dr Deo Debattista Segretarju Parlamentari
Peppi Azzopardi jirrakkonta kif ftit ġranet ilu membru tal-familja tiegħu, li bħalissa qed tgħix miegħu, kellha bżonn ta’ tabib urġenti. It-tabib tagħha huwa Dr. Deo Debattista. Peppi jirrakkonta kif ċempel lil Dr. Deo u qata’ għax ftakar li issa Dr. Deo Debattista ma jistax jara iżjed pazjenti. La sar segretarju parlamentari ma jistax jibqa’ jagħmilha ta’ tabib.






 Peppi Azzopardi jinsisti li din hija inġustizzja kbira fuq in-nies li kellhom tabib jew avukat jew accountant jew nutar u mil-lum għal għada ma jkunux jistgħu jużaw is-servizzi tagħhom għax isiru ministri.

Xarabank.com.mt tkellem ma’ Dr. Deo Debattista. Qalilna li hu jħossu skomdu li kellu jitlaq pazjenti, wħud li ilhom għandu 30 sena, hekk ħabta u sabta. “Jien naqbel li jkun hemm żmien ta’ tranżizzjoni u l-pazjenti nibqgħu narawhom bla ħlas u nidderiġuhom biex isibu alternattiva li jkunu komdi biha huma.”

Din l-issue mhijiex ġdida tant li l-Profs Franco Mercieca, speċjalista tal-għajnejn, kellu jitlaq minn segretarju parlamentari għax ma setax iħalli lill-pazjenti ‘lampa u stampa’. Xi jiġifieri pazjent li jkun operat ġimgħa qabel, l-istess professur ma jistax jarah għax issa sar ministru?

Il-każijiet jinkludu wkoll lill-professjonijiet l-oħra kollha. “Jien mort nikxef għajni ma’ avukat u f’daqqa waħda ma setax jiddefendini jew imqar jarani għax laħaq ministru,” qaltilna persuna li tixtieq tiġi titkellem fil-programm Xarabank.

Peppi Azzopardi qed jipproponi li wara li jinħatar ministru jew segretarju parlamentari, b’rispett lejn il-pazjenti jew klijenti, għandu jkun hemm sitt xhur ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni. F’dan il-perjodu, il-professjonist ikun jista’ jibqa’ jara lill-pazjenti/klijenti u jagħtihom direzzjoni fejn jistgħu jmorru biex ikollhom persuna ta’ fiduċja tagħhom.

3 comments:

  1. Jien onestament ma naqbilx maghha galadarba l-Prim Ministru ta' Malta hu wkoll il-Kap tal-Partit Laburista, allura hekk hemm eccezzjonijiet ghar-regola ghandhom japplikaw ghal kulhadd dawn?

    ReplyDelete
  2. Dr Deo t-tabib tal-familja u mahbub minnha kollha. it-tfal mindu twieldu dejjem hadnihom ghandu u l-unika dispjacir li ghandna li sar segretarju parlamentari hija li tlifnieh ahna. dejjem b'dik id-dahqa bniedem mahbub wisq!

    ReplyDelete
  3. qed tara hux meta l kwistjoni tolqot lilek kemm thossa .. staqsi l pazjenti ta franco mercieca msieken .. kemm qalawlu kienu ghax baqa jopera !!! .. jien nahseb li t tobba ghandom jaraw xorta lil pazjenti bla hlas f certu hinijiet u ghal ftit hin .. it tobba l izjed u mhux nutari jew avukati .. meta nqisu li hemm pazjenti li jkunu drawh tabib u jkun jaf l istorja medika taghhom mhux sew li jaqtaw f daqqa ... j alla titranga ...

    ReplyDelete