Tuesday, 1 August 2017

"F'lejl minnhom ibni beda jitwal u jitwal, imbagħad miet"

                     
Tirrakkonta omm Brian, Josephine.

"Brian kien għadu kif ġie mit-Tuneżija u meta wasal qalli: 'Ma, taf kemm jien iddispjaċut li ma lħaqtx xtrajt souvenirs ta' oħti għall-Preċett!" Tant iddispjaċih li reġa' tela' weekend ma' ommu t-Tuneżija biex jixtru s-souvenirs.

Fit-Tuneżija, Brian beda jħossu mhux f'sikktu. Beda jitlef il-bilanċ u jogħtor, u ommu tgħidilna li darba waħda, f'lejl minnhom, binha beda jitwal. Minn 5'7 għal 6'7 f'salt.

Spjegawlha li dan kien wieħed mis-sintomi tal-marda li ħakmitu. Brian jagħmel xahar l-isptar, u ommu Josephine tirringrazzja 'l Alla li ma kellhiex tarah ibati ħafna.

"Kieku baqa' ħaj u rajtu għadu f'dik it-tbatija kont naqbad imħadda u nifgah," tgħidilna Josephine, imbikkma wara t-traġedja li għaddiet minnha.

Illum għaddew 21 sena minn meta Brian ħalliena, "u jien kuljum għadni nistaqsih għalfejn ħalliena hekk, ħabta u sabta," tkompli Josephine.

L-aħħar ritratt li ħa Brian kien proprju ma' oħtu Jolene, liebsa l-libsa tal-Preċett. U anke meta miet, Josephine baqgħet tittama. Baqgħet tistennieh ġej lura d-dar, baqgħet tistennieh iqum mill-mewt. "Ma tibqax tirraġuna. Kiefra, kiefra wisq," qaltilna.

Issa Josephine qed tirrakkonta kif dan l-aħħar rat lil binha qisu ġie lura. "Kellimni u qalli biex inserrħu rasna li qiegħed f'post aħjar," tirrakkonta Josephine. "Imbagħad poġġa fuq is-sodda u qalli: 'Mill-plattina li tani niekol il-Mulej, jien aċċettajtha.'"



No comments:

Post a Comment