sponsors

Sunday, 13 August 2017

"Dis-sena diġà tlift 'l ommi, u issa lil missieri wkoll" - jitkellem magħna iben l-anzjan li ttajjar ilbieraħ


Ilbieraħ kienet ġurnata kerha ħafna għal pajjiżna. Kienet ġurnata li ħalliet 3 persuni mejta u diversi oħrajn midruba u xxukkjati wara 3 inċidenti tat-traffiku koroh li ġraw fi 18-il siegħa.

Aħna tkellimna ma' Joe Ellul, li huwa iben l-anzjan li ttajjar fil-Marsa, u dalgħodu qed nippubblikaw dawn il-kummenti tiegħu.

Joe huwa t-tifel ta' Karmenu Ellul, l-anzjan ta' 72 sena magħruf bħala l-Balaj. Karmenu kien qed jaqsam it-Triq ta' Aldo Moro l-Marsa, ilbieraħ għall-ħabta tas-7am, meta tajritu karozza u ħallietu mejjet fuq il-post.

"Għedewwa mhux żgur kellu wieħed," qalilna Joe b'diqa kbira. "Min ma kienx ikollu flus kien jitimgħu, u kien iħenn għal kulħadd. Ftit kien hawn b'qalb bħal tiegħu, u kulħadd kien iħobbu għax hu kien ċajtier u kien iħobb lil kulħadd."

Joe jirrakkonta li sal-lejl ta' qabel stess, jiġifieri sa ftit sigħat qabel l-inċident, kien rieqed ħdejn missieru. U qatt ma kien qed jistennieha din li jmutlu missieru, aktar u aktar għaliex tmien xhur ilu biss tilef lil ommu wkoll.

Il-qalb tajba ta' Karmenu l-Balaj jikkonfermawha l-mijiet ta' nies li kitbu messaġġi ta' dispjaċir u kondoljanzi fuq l-internet ilbieraħ. Fosthom kien hemm personalitajiet u nies magħrufa oħra li rrakkontaw stejjer ta' kemm kien jgħinhom meta jkollhom bżonn.

Lil missieru, Joe jgħidlu: "Issa nfirdna pa...imma nibqa' nħobbok sakemm niġi ħdejk jien pa."

Il-funeral ta' Karmenu l-Balaj se jsir nhar l-Erbgħa li ġej fis-2pm, u peress li l-familja tiegħu għandhom iż-żwiemel, il-funeral se jkun komplut biż-żwiemel u l-karozzini.


No comments:

Post a Comment