Tuesday, 8 August 2017

BIL-FILMAT: Għala Joseph Muscat u Simon Busuttil libsu ingravata blu?


F’xi wieħed miż-żewġ dibattiti li saru f’Xarabank, kemm Joseph Muscat u kemm Simon Busuttil xi darba libsu ingravata blu. Qatt ħsibt għalfejn?


Aħna tkellimna dwar dan mal-Avukat Dr Ramon Bonett Sladden,  li fil-ħin liberu tiegħu jħobb jaqra u josserva dwar dan is-suġġett.

Għala Simon Busuttil u Joseph Muscat libsu ingravata blu? Dr Bonett Sladden iwieġeb: “Il-kulur tal-ingravata li kien libes Simon Busuttil kien royal blue. Wieħed jista’ jgħid li kien qed jilbes dak il-kulur għaliex huwa  l-kulur tradizzjonali tal-Partit Nazzjonalista. Imma lil Joseph Muscat kif qatt ma rajnielu ingravata ħamra? Fid-dibattitu tiegħu ma’ Simon Busuttil,  Joseph Muscat libes ingravat ċelesti. Dak huwa kulur li jorbot lill-persuna maż-żgħożija, iwassal ċertu ottimiżmu, ċerta ċarezza u mhuwiex aħrax fuq l-għajnejn tant li faċli tħares lejh.”

Imma għala Joseph Muscat libes ingravata blu skur meta ltaqa’ ma’ Matteo Renzi? “Joseph Muscat jilbes dan il-kulur meta jkollu laqgħa ma’ mexxej internazzjonali. Dan il-kulur jintuża għax iwassal sens ta’ maturità,” jispjegalna Dr Bonett Sladden. 
Għala l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ta’ spiss jilbes ingravata ħamra? Dr Bonett Sladden jgħidilna: “Jista’ jkun li jilbes dak il-kulur għaliex huwa l-kulur tal-Partit tiegħu, jiġifieri tar-Repubblikani. Fl-inawgurazzjoni tiegħu, fl-20 ta’ Jannar li għadda, Trump ukoll libes ingravata ħamra. Wieħed jista’ jara li dan il-kulur huwa daqsxejn diviżiv għall-ewwel diskors tiegħu lin-nazzjon bħala mexxej ta’ dak il-pajjiż.  Allura ma kienx jagħmel sens li jkun diviżiv. Kien jagħmel iktar sens li kieku libes ingravata newtrali.  Jista’ jkun wkoll li jilbes ingravata ħamra biex juri li huwa dominati.”


U meta wieħed meta ma jilbisx ingravata, x’messaġġ ikun qed iwassal? “Jekk tara r-ritratt tal-mexxejja kollha tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, Alexis Tsipras, il-Prim Ministru tal-Greċja, huwa l-uniku wieħed li ma jkollux ingravata. Jaf ikun qed iwassal messaġġ li huwa ma jridx jimxi mar-regoli u biex juri li qed jirrifjuta dak li qed iwasslu l-mexxejja bl-ilbies tagħhom,” jgħidilna Dr Bonett Sladden.

Għaliex Dr Bonett Sladden libes ingravata vjola? Jistqarr: “Nistqarr li le mhux apposta ilbist il-kulur vjola. Però l-kulur vjola huwa kulur interessanti. Il-kulur vjola jilbsuh ħafna l-moderaturi fl-Istati Uniti għaliex huwa taħlita ta’ aħmar u blu. L-aħmar huwa assoċjat mal-Partit Repubblikan u l-blu mal-Partit Demokratiku. Għalhekk il-moderaturi b’ingravata vjola jkunu perfettament newtrali.”

Din hija biss osservazzjoni u dak li jkun seta’ libes ingravata li ġietu għal idejh. Għad-darba li jmiss, qabel ma tilbes ingravata, aħsibha sew!
Filmat: Matthew Vassallo
Muntaġġ: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment