sponsors

Tuesday, 25 July 2017

Titkellem magħna l-mara ta' Alex Perici Calascione

Ritratt: MayAnne flimkien ma' żewġha Alex Perici Calascione

1.     X’kienet ir-reazzjoni tiegħek xħin ġie qallek li se jikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista?


Inzerta li konna flimkien ħerġin mid-Dar Centrali meta rċieva telefonata minn wieħed mill-Membri tal-Parlament biex ikellmu fuq dil-kwistjoni u dak il-ħin qalli li kien ilu xi ftit jiem b’numru ta’ persuni jkellmuh biex jikkunsidra li joħroġ. Kien għadu ma semma xejn għaliex kienet deċiżjoni li kienet għad trid tittieħed.  L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet biss li nistaqsih jekk kienx qies kollox u jekk ħasibhiex sew. Wara li tkellimna ftit u indunajt li, kif fil-fatt jagħmel dejjem, kien ħaseb fl-aspetti kollha, ftehemna għalhekk li flimkien inkellmu lit-tfal. 

2.     Kemm domt taħseb fuqha biex tajtu r-reazzjoni tiegħek?

Ir-reazzjoni tajthielu mill-ewwel u b’mod naturali. Wara 31 sena żwieġ drajna xi ftit lil xulxin u għalhekk naf illi f’ċirkostanza bħal din, kien ikun diġà ħaseb fit-tul u kkunsidra kollox.

3.     Tkellimt ma’ xi ħaddieħor tal-familja?

Aħna tkellimna flimkien mat-tfal għaliex naturalment hija deċiżjoni li bilfors tinvolvi b’xi mod lill-familja. 

4.     Kieku għedtlu ‘le’ taħseb li xorta kien jikkontesta?

Matul dawn is-snin kollha li ilna flimkien dejjem ħallejna spazju lil xulxin u tajna appoġġ lil xulxin – speċjalment fejn wieħed minna jkun jew jixtieq jew determinat li jagħmel ħaġa. Għalhekk, bejn minħabba f’hekk u minħabba wkoll li ilu għal dawn l-aħħar snin b’involviment qawwi bħala uffiċjal tal-Partit, naħseb li minkejja l-fatt li din hi deċiżjoni importanti ħafna, ma kontx ngħidlu le.   

5.     Konxja li jekk isir hu Kap tal-Partit Nazzjonalista, inti se ssir persuna pubblika jew aktar pubblika? U kif tħares lejha din?

Naf minn dak li rajt direttament f’dawn is-snin li Alex ilu involut fil-politika, li kariga bħal din tfisser ukoll li l-lenti pubblika ma taqax biss fuq il-Kap innifsu. Din hija responsabbilità li tiġi mal-kariga u għalhekk hija responsabbilità illi, b’ċerta maturità, inkun irrid naċċetta u naqdi mill-aħjar li nista’. Bħal ħafna ċirkostanzi oħra fil-ħajja, ixxammar il-kmiem, tmidd għonqok għax-xogħol, tkun lesta li tieħu l-pariri fejn meħtieġ u ma tħalli lil ħadd u xejn jitla’ għar-rasek.

Ritratt: MayAnne Perici Calascione

6.     Fil-kampanja qed tagħtih xi pariri? Jeħodhom?

Sinċerament le. Għandu l-Campaign Team li jaħdem u hu jieħu d-deċiżjonijiet magħhom. Bħala regola ngħaddi xi kumment dwar jekk xi artiklu jew xi intervista jkunux laqtuni jew le u b’hekk nagħtih reazzjoni oġġettiva ta’ min ikun qed jaqra jew jisma’. 

7.     Jekk isir Kap tal-Partit Nazzjonalista, tħoss li inti jkollok iżżomm ċerti ħsibijiet għalik ‘biex ma tinħoloqx sitwazzjonijiet imbarazzanti’?

Il-fatt li llum nafu lil xulxin sew, jagħmilni ċerta li sitwazzjoni bħal din ma tantx tinqala’. Xtaqt ngħid ħaġa fuq dil-kwistjoni. Ilni nsegwih ukoll fl-involviment politiku tiegħu matul dawn is-snin, u matulhom iltqajt u għadni niltaqa’ ma’ ħafna u ħafna persuni li jagħtu qalbhom u l-enerġija kollha tagħhom, ukoll b’sagrifiċċju kbir, għall-Partit. Għalhekk għalija huwa ċar ħafna li sew min ikun qiegħed imexxi l-Partit u kif ukoll min ikun maġenb min qed imexxi, għandhom dejjem iżommu f’moħħhom illi żball tagħhom ibatuh l-ewwel proprju dawn in-nies kollha li jiddedikaw ħajjithom għall-Partit. Din fiha nnifisha hija responsabbilità kbira li għandha wkoll tiggwida l-mod kif inġibu ruħna.

8.     Inti li tafu daqshekk mill-qrib, għidilna 3 karatterisitiċi pożittivi li minħabba fihom għandhom jivvutawlu?

Insemmi tliet karatteristiċi li mmarkawh f’kull rwol li fdalu l-Partit s’issa u li tant huma parti mill-karattru tiegħu. (i) Lealtà u dedikazzjoni assoluta lejn il-Partit, li hu jrid jarah dejjem magħqud u sod; (ii) Sens ta’ responsabbilità qawwi ħafna għal kulma jidħol għalih u (iii) Determinazzjoni soda li jerġa’ jara l-Partit fil-post fejn minn dejjem għamel tant ġid lil Malta u Għawdex.

9.     Inti li tafu daqshekk mill-qrib tista’ tgħidilna xi ħaġa li kważi ħadd ma jaf dwaru?

 Jagħmel ħafna xogħol ta’ għajnuna man-nies minn wara l-kwinti, li jibqa’ xogħol moħbi. 

               
10.   Iġri tgħaddi jew iġri tasal?

Iġri tasal u tgħaddi ħalli bl-għajnuna t’Alla u bil-ħidma ta’ kulħadd, inkomplu bil-ħidma meħtieġa.


 Il-Ġimgħa li għadda Xarabank bagħat dawn il-mistoqsijiet lin-nisa kollha tal-kandidati li qed jikkontestaw għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

No comments:

Post a Comment