top bar

Wednesday, 19 July 2017

"Se nkun kburi bikom jiena u nħares lejkom minn hemm fuq" - Nenu ta' Mannarinu


Dalgħodu tħabbret il-mewt ta' Carmelo Borg (Nenu), wieħed mill-prijunieri ta' Mannarinu; negozju magħruf għall-ħelu u għall-ikel tipiku tiegħu.



Aħna tkellimna ma' Carlos Borg, in-neputi ta' Nenu, li qasam magħna l-aħħar kliem li qallu nannuh: "Kull wieħed minna kellu ċ-ċans li jitkellem miegħu għax kien għadu f'sensih. L-aħħar kliem li qalli kien li avolja għamel ħajtu jaħdem għan-negozju, jaf li jien, ħija u missieri se nkomplu mmexxuh sew. Qalli wkoll li huwa u jħares lejna minn hemm fuq, se jkun kburi bina."

Kien Manwel Cachia, missier il-mara ta' Nenu li beda dan in-negozju u maż-żmien waqa' f'idejn Carmelo. Minkejja li mbagħad beda jmexxih ibnu Noel; missier Carlos, Nenu baqa' attiv sal-aħħar: "Sa ftit ġimgħat ilu kien għadu jinżel għax-xogħol u milux ukoll għamel żewġ programmi fuq Skjetti."

Ħadd ma kien qed jistenna li Nenu se jmut daqshekk malajr: "Konna nafu li kellu problemi b'qalbu imma ma konniex qed nistennew li l-proċess se jkun daqshekk mgħaġġel. Hu daħal l-isptar u l-ġimgħa l-oħra ggrava f'daqqa."

Carlos jibqa' jiftakar lil Carmelo bħala n-nannu, bħala kollega u bħala għalliema: "Jiena u ħija, Ismael, minn età żgħira konna mmorru ngħinu u llum il-ġurnata t-tnejn li aħna naħdmu hemm. Ilni naħdem ma' Mannarinu ħames snin u ilni ħames snin narah kuljum u naħdem miegħu. Huwa dejjem kien jipprova jgħallimna l-affarijiet tiegħu u kif kienu jaħdmu fl-antik, u dejjem kien jagħtina t-tricks tiegħu."



Nenu se jingħata l-aħħar tislima għada fil-Knisja tal-Karmnu l-Belt Valletta, fl-10:00am.

No comments:

Post a Comment