sponsors

Thursday, 27 July 2017

Mark ta' Xarabank u Jd tal-Vibe FM għamlu din l-imħatra ġol-karozza


Mark ta' Xarabank u l-preżentatur ta' Vibe FM Jd Patrick marru dawra bil-karozza u fost l-oħrajn tkellmu dwar l-aktar ħaġa li qed turtahom bħalissa, ix-xagħar ta' Mark, u għamlu mħatra biex jaraw min minnhom l-aktar li jintagħraf min-nies fit-triq.

Mark u Jd spiċċaw fil-karozza ma' xulxin wara li nhar it-Tnejn li għadda, waqt il-breakfast show tagħhom fuq Vibe FM, il-preżentaturi Jd, Martina u Jonathan għamlu sfida lil xulxin. L-isfida jirbaħha dak jew dik li l-ewwel jirnexxilhom jispiċċaw f'media oħra li m'għandhiex x'taqsam mar-radju tagħhom.

"Meta tkun fil-media tiġik kurżità biex tikteb ismek fuq Google u tara x'jitla'," jispjega Jd lil Mark. "U meta ktibt ismi waqajt ħażin għax telgħu biss affarijiet fuq Valentina Rossi. U allura ġejt għandek biex forsi tgħinni nispiċċa fuq il-website tagħkom ta' Xarabank ħalli nirbaħ din l-isfida."

"Vera li Valentina isbaħ minni fid-dehra, imma jien aħjar minnha," kompla jargumenta Jd.

Din l-isfida aħna dħalna għaliha ma' Jd b'qalbna kollha u rnexxielna nirbħuha, għax sakemm qed nippubblikaw l-intervista fil-karozza ma' Jd, Jonathan u Martina jidher li ma rnexxielhomx inaqqxu isimhom fuq xi media oħra.


Waqt l-intervista, Jd jammetti li hu u sħabu tar-radju huma fost il-ftit nies li jirringrazzjaw ’l Alla li żdied it-traffiku f'Malta, għax minħabba li n-nies qed iqattgħu aktar ħin fil-karozzi, qed jisimgħu aktar il-programmi tagħhom.

Huwa evidenti li Jd ma jogħġbu xejn xagħar Mark, u ma tantx idur mal-lewża għax jgħidlu f'wiċċu fil-karozza. U kelma ġġib lill-oħra, u t-tnejn jispiċċaw jimpikaw fuq min minnhom jintagħraf l-aktar fit-triq.

U jagħmlu mħatra. Jiftehmu li jieqfu jistaqsu lin-nies biex jaraw in-nies lil min jagħrfu l-aktar, jekk hux lil Mark jew lil Jd!

Jd Patrick huwa wieħed mill-preżentaturi tal-breakfast show ta' Vibe FM. Il-breakfast show tixxandar kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7am sal-10am u l-programm jippreżentawh miegħu Martina Zammit u Jonathan Abel.

Ritratt ta' Mark: Cng Fotography

No comments:

Post a Comment