top bar

Monday, 3 July 2017

Illejla f'Malta se tibda l-ewwel 'game show' li fiha, ir-rigal li tirbaħ tagħżlu int


Illejla, fid-9pm fuq TVM se jibda programm ġdid jismu Tough Luck. Huwa game show ibbażat kollu kemm hu fuq kemm int fortunat, u l-akbar differenza li għandu minn game shows oħra huwa li r-rigal li tixtieq tirbaħ tagħżlu int.

Normalment, meta tapplika għal game show tmur tilgħab u jekk tirbaħ, tirbaħ ir-rigal li jkunu għażlu minn qabel il-producers tal-programm. Imma f'dal-programm, meta tapplika, inti tagħżel ir-rigal li tixtieq tirbaħ u tmur tilgħab biex tirbaħ dak ir-rigal.

"In-nies ikunu jridu minn kull xorta ta' affarijiet," jispjega PJ Vassallo Mintoff, li huwa wieħed mit-tim tal-programm. "Min ikun irid rigal żgħir, min rigal kbir, u min rigal kbir ħafna, u ġeneralment ikunu affarijiet li tixtieq taqlagħhom bħala rigal imma ma tkunx lest li tixtrihom int, għax tarahom ħela ta' flus."

F'kull programm jilagħbu tliet kontestanti u l-kontestanti tal-lejla kollha għandhom storja li ma titwemminx.

Fost l-oħrajn se tilgħab mara li għal snin twal kienet taħseb li missierha mejjet. Issa skopriet li għadu ħaj u qed tfittxu. Kontestanta oħra hija mara li minn dejjem kellha piż żejjed u ddeċidiet li trid tibda dieta stretta wara li hi u bintha kienu mexjin, kienet se ttajjarhom karozza, hi imbuttat lil bintha biex issalvalha ħajjitha, u d-daqqa tal-karozza ħaditha hi.

U l-kontestant l-ieħor huwa żagħżugħ li qed joħroġ ma' tfajla b'diżabilità. It-tfajla tiegħu tixtieq tibda tagħmel il-kejkijiet u llejla se jkun fil-programm biex jipprova jirbaħ sett ta' affarijiet li għandek bżonn biex tagħmel il-kejkijiet...biex jagħtih lit-tfajla tiegħu.

Nadia, Ruth u Daniel - it-3 kontestanti li se jilagħbu fl-ewwel programm illejla
"Il-kontestanti jistgħu jirbħu r-rigal li ġew jilagħbu għalih, jistgħu jirbħu xi wieħed mir-rigali li ġew jilagħbu għalih il-kontestanti l-oħra, u jistgħu jirbħu rigal pjuttost redikolu li ħadd ma jixtieq jirbħu," tispjegalna Angie Laus li hija l-preżentatriċi u l-producer tal-programm. "Għalhekk il-logħba tiddependi ħafna fuq kemm tkun fortunat."

Fil-programm hemm 6 teżori. Fi 3 teżori hemm it-tliet rigali li jridu t-tliet kontestanti. Fit-tliet teżori l-oħra hemm tliet rigali redkoli li ħadd ma jkun jixtieq jirbaħ.

Kull parteċipant jagħżel teżor u jgħaddi minn sensiela ta' rounds li jwassluh biex bil-mod jikxef x'hemm fit-teżor tiegħu, u eventwalment x'hemm fit-teżori l-oħra. Matul ir-rounds il-kontestanti jkunu qed jirbħu diversi rigali oħra imma wkoll ikunu qed jissugraw li jitilfu kollox.

Il-kontestanti jistgħu jagħżlu li jibdlu t-teżori, jitkeċċew mill-programm jew ikeċċu kontestant ieħor mill-programm, fost l-oħrajn.

Angie Laus, il-preżentatriċi u producer tal-programm Tough Luck
Il-programm huwa l-kreazzjoni tal-istess imħuħ li ħolqu u pproduċew il-game show "Ħadd Għalik," li ilu jixxandar fuq l-Istazzjon Nazzjonali għal dawn l-aħħar 10 snin. Illejla fil-programm Tough Luck se jinkixef ukoll sett ġdid, kbir u teknoloġiku, li jikkumplimenta l-istil tal-programm. Is-sett huwa xogħol Paul Target.

"Finalment, aħna nawguraw lill-kontestanti kollha good luck, u mhux tough luck!"qaltilna Angie Laus bi tmissima.

No comments:

Post a Comment