sponsors

Wednesday, 12 July 2017

“Il-persuni li jbatu b'din il-kundizzjoni jridu jixtru l-ostji huma u jkunu konformi ma' kif qed jitlob il-Vatikan”



Il-persuni li huma coeliac jistgħu jitqarbnu bl-inbid jew bl-ostji li huma low-gluten imma mhux bla glutina.


Fil-jiem li għaddew, il-Vatikan bagħat ittra lill-Isqfijiet dwar l-ostji li jintużaw għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Wara li ħarġet din l-ittra, fuq il-midja soċjali ħafna ħasbu li din se twaqqaf lill-persuni li huma coeliac milli jitqarbnu.

Imma kif inhi s-sitwazzjoni ta' tqarbin għall-persuni li huma coeliac? Xarabank tkellem ma' James Grima, membru tal-Assoċjazzjoni Maltija tas-Coeliac, li jwieġeb: "L-ostji jinxtraw minn min hu coeliac u dawn iridu jkunu magħmula mill-qamħ. Minħabba l-kundizzjoni, il-kontenut tal-glutina jrid ikun inqas minn 20ppm jew inqas minn 100ppm. Qabel ma persuni coeliac ikunu jistgħu jitqarbnu, hemm bżonn li l-knisja fejn se jitqarbnu tkun avżata u l-persuni għandhom jixtru ostji li huma approvati mis-Santa Sede."

James ikompli jispjegalna: "Dakinhar tal-quddiesa l-ostji jitqiegħdu fuq l-altar biex jiġu kkonsagrati f'kontenitur appost li s-coeliacs jixtru għall-użu personali tagħhom. Iċ-ċelebrant irid jiġi avżat minn qabel u infurmat jekk il-persuna hux se titla' titqarben l-ewwel jew l-aħħar."

L-ittra li ntbagħtet lill-Isqfijiet ma ħoloqx differenza għaliex is-sitwazzjoni tat-tqarbin baqgħet l-istess għal min hu persuna coealic: "L-ittra nħarġet biss biex tikklarifika l-pożizzjoni tal-Knisja fuq ostji mingħajr glutina li nħarġet fl-2005."  Fil-fatt, fi stqarrija l-Kurja ta' Malta wkoll enfasizzat li mhux se jkun hemm l-ebda tibdil fl-ostji li jintużaw diġa' minn persuni coeliac.

Madankollu xorta kien hemm reazzjoni mill-persuni coeliac"Ir-reazzjoni ġenerali li rajna kienet waħda ta' konfużjoni, speċjalment fuq il-midja soċjali. Fl-opinjoni tagħna dan iktar dovut għal kif ġiet irrapportata l-istorja milli għall-istqarrija nfisha."

James ittemm jgħid li persuna coeliac tista' titqarben ukoll bl-inbid: "Persuni coeliac jistgħu jitqarbu bil-metodu li semmejna qabel imma importanti li nsemmu wkoll li dejjem hemm l-għażla li jitqarbnu wkoll bl-inbid. 

Ritratt: catholic-ew.org.uk

No comments:

Post a Comment