sponsors

Tuesday, 4 July 2017

"Il-kura għan-nies bi problema ta' piż nieqes tiżdied fis-sajf"




Jekk għandek it-tifel, it-tifla, il-ħabib tat-tifel jew it-tifla tal-kuġina li bdiet tmur tiekol waħedha, taħbi l-ikel, bdiet tiffissa fuq kemm l-ikel li se tiekol għandu kaloriji jew xaħmijiet jew inkella tiekol iktar minn 2,000 kalorija f'salt u mbagħad tmur taqla', ħu azzjoni għax jaf tkun qed ibati mill-anoressija jew mill-bulimja.
Ix-xhur ta' qabel is-sajf huma sinifikanti għal min irid ikollu dehra tajba għas-sajf, tant li r-rata ta' nies li jintefghu b'ruħhom u ġisimhom il-gym tibda tiżdied, iżda dan il-perjodu jġib miegħu wkoll żieda fir-rata ta' nies li jitolbu l-għajnuna minħabba każijiet ta' anoressija u bulimja.

Aħna tkellimna ma' Darleen Zerafa, id-Direttur ta' Dar Kenn għal Saħħtek, li tispjegalna kif filwaqt li matul is-sena kollha jkollhom każijiet ta' obeżità, fis-sajf tiżdied ir-rata ta' nies li jitolbu l-għajnuna minħabba l-anoressija u l-bulimja. Filwaqt li jolqtu lill-persuni kollha, iż-żgħażagħ huma dawk li jfittxu l-iktar lil din id-Dar għal din l-għajnuna: "Il-ġuvintur u t-tfajliet ta' bejn l-14 u t-18-il sena l-iktar li jfittxu l-għajnuna għaliex minbarra li jkollhom il-pressjoni tal-eżamijiet, li jaħbtu qabel il-vaganzi tas-sajf, ikollhom pressjoni minn sħabhom fuq kif se jidhru."

Il-midja minn dejjem ħalliet impatt kbir fuqna u daqskemm taf tagħmel ġid, taf tagħmel ħsara kbira u Darleen tispjegalna l-influwenza tagħha:" Il-midja tpinġilek il-persuna ideali u din taffettwa lit-tfajliet u lill-ġuvintur għaliex jibdew jimmiraw li jkollhom dik id-dehra."

Bl-anoxerija jħarsu lejn il mera, ikunu stikek u jaraw lilhom infishom ħoxnin
Iż-żieda fir-rata tan-nies li jfittxu jitolbu l-għajnuna fis-sajf ma timminax il-probelma tal-obeżità li f'pajjiżna kulma jmur dejjem qed tiżdied: "Ikollna każijiet ta' obeżità s-sena kollha u hemm diversi fatturi li qed jikkontribwixxu għall-obeżità, fosthom l-istil ta' ħajja." Darleen tispjega kif f'Malta l-attività fiżika naqset u fost l-oħrajn din qed tidher fit-tfal li qed iqattaw ħafna aktar ħin jilagħbu fuq il-kompjuter. Hija ssostni l-importanza li nagħmlu tibdiliet żgħar li jkunu sostennibbli: "Jekk aħna nagħmlu tibdiliet żgħar fil-ħajja tagħna ta' kuljum, intejbu l-kwalità tal-ħajja li qed ngħixu u b'hekk nipprevjenu l-obeżità."

Darleen tispjega li meta wieħed jagħmel bidla fl-istil ta' ħajja li qed jgħix, għandha tiġi involuta l-familja kollha: "Nipprovaw nagħmlu attività li l-familja kollha tkun tista' tagħmilha, u b'hekk din tipprevjeni milli wieħed jaqa' għall-istil ta' ħajja li kellu qabel."


Dar Kenn għal Saħħtek toffri servizz b'xejn ta' edukazzjoni, appoġġ u ispirazzjoni għal kull min ibati min xi eating disorder u għall-għeżież tagħhom. Għalhekk jekk taf lil xi ħadd jeħtieġ l-għajnuna professjonali, żur il-paġna ta' Dar Kenn għal Saħħtek hawnhekk.

No comments:

Post a Comment