top bar

Monday, 24 July 2017

"Huwa abbuż kbir li tipprova tgħaffeġ il-kuxjenza ta' bniedem" - Dun Anton Gouder


"Li tipprova tgħaffeġ il-kuxjenza ta' xi ħadd huwa abbuż kbir."
Dawn huma wħud mill-ewwel kelmiet ta' ittra miftuħa li Dun Anton Gouder kiteb bħala risposta lil Peppi Azzopardi. Din inkitbet wara l-ittra miftuħa li Azzopardi kiteb lil Dun Anton Gouder.


Fil-bidu tal-ittra tiegħu, Dun Anton Gouder jirringrazzja lil Azzopardi għall-kliem ġentili li kitiblu fil-bidu tal-ittra tiegħu. Ikompli billi jerġa' jikteb il-mistoqsijiet li Azzopardi staqsieh fl-ittra miftuħa: "Il-mistoqsijiet tiegħek huma dawn: Kieku l-liġi kienet tagħmel kienet se tagħmel l-abort (u allura l-qtil tat-trabi) legali, kont taċċetta li partit ispirat minn valuri nsara jagħti vot ħieles lid-deputati tiegħu? Kieku l-liġi kienet qed tintroduċi li "tista' tintuża t-tortura" f'ċerti ċirkostanzi fid-depow tal-Pulizija, kont taċċetta li partit ispirat minn valuri Nsara jagħti vot ħieles lid-deputati tiegħu?"

Dun Anton Gouder iwieġeb bit-tweġiba ċara: "It-tweġiba hija ċara: IVA għaliex li tipprova tgħaffeġ il-kuxjenza ta' xi ħadd huwa abbuż kbir." Iżid jgħid li l-libertà tal-kuxjenza hija prinċipju mhux skont kif jaqbillu dak jew l-ieħor. "Tibqa' r-responsabbiltà ta' kull deputat li jirriforma tajjeb il-kuxjenza tiegħu fuq prinċipji sodi. Inkella jgħid li se jimxi fuqi l-kuxjenza u jkun qed jagħmel fattih jew iħalli lilu nnifsu jitmexxa mal-kurrent," jispjega Dun Anton Gouder. 


Ikompli billi jistqarr li ma jafx xi jfisser "partit ispirat minn valuri nsara." Filwaqt li jispjega li individwi fil-partiti għandhom ikunu ispirati minn valuri nsara, jgħid li l-politika trid titmexxa fuq il-ġid komuni u l-ordni tan-natura. "Dan mhuwiex l-Evanġelju jew il-Kmandamenti ta' Alla kif jaħsbu ħafna, imma qatt ma jmur kontra dak li jrid Alla. Il-ġid komuni ma jkunx determinat bil-vot tal-maġġoranza. Bħal meta nimxu mal-maġġoranza, bilfors ikun hemm xi minoranzi li jbatu," iżid jgħid Dun Anton Gouder.


Jispjega kif huwa diffiċli f'paragrafu ngħidu eżatti xi jfisser ġid komuni u kif mhux faċli fil-qosor ngħidu x'inhu dritt fundamentali tal-bniedem u x'inhi xewqa. Però jistqarr li huwa ċar li nies fil-qasam legali kapaċi jgħidu akbar minnu fhiex jikkonsisti dritt u għaliex mhux kull xewqa ta' ftit jew ħafna hija dritt. Iżid jgħid li dan m'għandux x'jaqsam mat-twemmin Nisrani.


Dun Anton ikompli billi jitkellem fuq is-separazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat: "Din il-preżentazzjoni hija antika. Aħjar nitkellmu mill-awtonomija tal-Knisja u tal-Istat minn xulxin, u mir-rispett lejn xulxin." Iżid jgħid "Billi bosta ċittadini huma membri kemm tal-Knisja u tal-Istat, għandhom dmir jikkoperaw flimkien għall-ġid taċ-ċittadini tagħhom. Imma dan żgur ma jfissirx li l-politiċi nsara jinsew li huma nsara." 

Jistqarr li japprezza li Azzopardi qabel li ħadd m'għandu jieħu passi dixxiplinari kontra l-Onor. Edwin.  Itemm jgħid: "Forsi kif inti imdorri tagħmel is-soltu, kien imissek bdejt kampanja b'saħħitha fuq hekk. Forsi wasal iż-żmien li d-dinjità tal-persuni li huma deputati fil-Parlament iġġagħalna nistaqsu jekk hux dinjituż li dawn il-persuni jkun mġiegħla jivvutaw bilfors kif jgħidulhom, ukoll jekk ma jaqblux."

No comments:

Post a Comment