Wednesday, 19 July 2017

"Għalkemm l-immigranti mhumiex jaslu fuq xtutna, ma jfissirx li aħna nistgħu noqogħdu gallarija!"


L-Isqof Mario Grech jappella biex ma ninsewx il-karba ta' tant immigranti.



Waqt il-Pontifikal ta' San Ġorġ Martri fil-Bażilika ta' San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex, spjega li l-festa ta' San Ġorġ tfakkarna fl-immigranti li qed ifittxu bieb li jiftħilhom futur. 

Stqarr li filwaqt li hija ħaġa sewwa li aħna nagħmlu festa, qal li fl-istess ħin ma ninsewx il-karba ta' tant immigranti. Qal li hemm eluf ta' persuni vulnerabbli li għandhom xewqa li jsibu opportunità ġdida imma minflok isibu min jgħinhom, hemm min qed jabbuża ħafna minnhom. Żied jgħid li sfortunatament hemm individwi, organizzazzjonijiet u saħansitra stati li qed japprofittaw mid-dgħufija tagħhom. 

Qal li mhux korrett li wieħed jorbot il-fenomenu tal-immigrazzjoni mal-kriminalità, it-terroriżmu jew l-espansjoni tal-Iżlam. Saħaq li għalkemm l-immigranti mhumiex jaslu fuq xtuna, dan ma jfissirx li aħna nistgħu noqogħdu gallarija. Żied jgħid li din hija responsabbiltà morali tagħna li ngħinu biex aħna u l-Ewropa jkollna politika soċjali li tindirizza dan il-fenomenu.



No comments:

Post a Comment