Saturday, 15 July 2017

Aġġornata: Peppi Azzopardi jirreaġixxi



Peppi Azzopardi jirrispondi għall-ittra mifuħa ta' Dun Anton Gouder. Jibda billi jistqarr: "Niddikjara l-ammirazzjoni kbira ħafna li għandi lejk. Mhux daqstant għal dak li għalih jafuk in-nies imma għall-ġid kbir li tagħmel man-nies fil-bżonn. Ta' dan għandi l-provi." 


Ikompli billi jgħid li għandu żewġ mistoqsijiet bħala tweġiba għall-ittra miftuħa li kitiblu: "Kieku l-liġi kienet se tagħmel l-abort (u allura l-qtil tat-trabi) legali, kont taċċetta li partit ispirat minn valuri nsara jagħti vot ħieles lid-deputati tiegħu? Kieku l-liġi kienet qed tintroduċi li "tista' tintuża t-tortura" f'ċerti ċirkostanzi fid-depow tal-Pulizija, kont taċċetta li partit ispirat minn valuri Nsara jagħti vot ħieles lid-deputati tiegħu?"

Filwaqt li Peppi Azzopardi jistqarr li ovvjament ħadd m'għandu jieħu passi dixxiplinari kontra Edwin Vassallo, isostni: "Anzi ma nistax nifhem kif Edwin Vassallo ma ngħatax iċ-ċans li jsemma' leħnu f'diskussjoni miftuħa fuq in-NET u kellu juża midja oħra biex jesprimi ruħu." Madankollu jkompli billi jgħid: "Din tal-vot ma kinitx opinjoni iżda azzjoni li ċċaħħad persuni li għax twieldu differenti kienu ddiskriminati u kienu qed jgħixu fi tbatija, u uġigħ kontinwu u inġust."

Peppi Azzopardi jagħlaq ir-risposta tiegħu b'poeżija qasira li kiteb eżatt kif għadda l-vot fil-Parlament:


"Jekk inti Alla ħloqt lill-gays u lit-trans
  xbieha tiegħek,
  lil dawk li laħqu telqu
  żgur għannaqthom miegħek
  U dawk li għadhom hawn
  u jixtiequ jħobbu bla kundizzjoni
  Li jwiegħdu mħabbithom għal dejjem
  Int li ħlaqthom, issib xi oġġezzjoni?"
Qabel:

"Inti ssostni tant li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu, għaliex l-Onor. Edwin u bosta oħrajn, m'għandhomx?"


Din hija waħda mill-mistoqsijiet li Dun Anton Gouder kiteb f'ittra miftuħa lill-preżentatur u ġurnalist Peppi Azzopardi. Din l-ittra miftuħa nkitbet wara l-ittra miftuħa li Peppi Azzopardi kiteb lil Edwin Vassallo, ftit sigħat qabel ma ttieħed il-vot dwar il-liġi taż-żwieġ ugwali fil-Parlament. Fost oħrajn, fl-ittra tiegħu, Peppi Azzopardi qal lil Edwin Vassallo li jifhem id-dubji li għandu fuq iż-żwieġ ta' persuni LGBTIQ huma ġenwini, imma jgħidlu ċar u tond li din mhijiex kwistjoni ta' opinjoni.

Fl-ittra, Dun Anton Gouder jibda billi jistqarr miegħu: "M'għandix dubji li l-kummenti tiegħek huma ġenwini. Kif tagħmel bosta drabi, tpoġġi fejn xulxin bosta sitwazzjonijiet ta' tbatija li jappellaw għall-emozzjoni biex issaħħaħ il-punt tiegħek." 




Ikompli billi jistqarr li f'ħafna mis-sitwazzjonijiet li semma Peppi Azzopardi, għandu raġun. Madankollu Dun Anton Gouder jistaqsih x'għandhomx x'jaqsmu mal-liġi li għaddiet. 

Wara li jsaqsih din il-mistoqsija, ikompli b'sensiela ta' mistoqsijiet oħra: "Inti ssostni tant li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu, għaliex l-Onor. Edwin u bosta oħrajn, m'għandhomx? Inti ssostni tant li ħadd m'għandu jiġġudika, għaliex l-Onor. Edwin qed ikun iġġudikat? Inti ssostni tant li tirrispeta lil min ma jaqbilx miegħek u lest li tagħti ħajtek biex ikollu dan id-dritt li ma jaqbilx, għaliex illejla m'għedtx hekk?"


Ikompli billi jistqarr li huwa ħaseb li Peppi Azzopardi se joħroġ jgħid lill-mexxejja tal-Partit Nazzjonalista biex ma jfettillhomx jieħdu xi passi fuq Edwin Vassallo għax wera l-opinjoni tiegħu.


Jagħlaq l-ittra tiegħu billi jerġa' jindirizzah: "Għażiż Peppi, int appellajt lill-Onor. Edwin kif għandu jkun Nisrani. Naturalment, għandek dritt. Jista' jkun li t-triq li wrejtu mhix l-aħjar triq u l-unika triq. Insellimlek. Ħabibek. Dun Anton."



4 comments:

  1. Prosit Dun Anton. Tweġibiet f'waqqithom.

    ReplyDelete
  2. Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew 19:4-6

    Iżda Gesu qalilhom: "Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal, 'Minħabba f'hekk raġel iħalli lil missieru u 'l ommu u jingħaqad ma' martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed?' Għalhekk m'humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem."

    Vatican's CDF on Considerations Regarding Proposals to Give Legal Recognition to Unions between Homosexual Persons:

    "When legislation in favour of the recognition of homosexual unions is proposed for the first time in a legislative assembly, the Catholic law-maker has a moral duty to express his opposition clearly and publicly and to vote against it. To vote in favour of a law so harmful to the common good is gravely immoral.

    When legislation in favour of the recognition of homosexual unions is already in force, the Catholic politician must oppose it in the ways that are possible for him and make his opposition known; it is his duty to witness to the truth."
    https://goo.gl/REJmj0

    ReplyDelete
  3. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
  4. Il-bidu tal-poeżija qasira li kiteb Peppi eżatt kif għadda l-vot serhitli mohhi.

    Peppi beda bil-kelma "Jekk".

    Allura din turi li hija xi forma ta riflessjoni, dubju, ezitazzjoni. Zgur li mihiex affirmazzjoni jew 'statement'. Kieku hekk Peppi, kien jelimina il-kemla "Jekk" u jibda dritt bil-kemla "Int".

    Din timlini b'hafna kuragg.

    Issa qed nistenna il-mument - u dan kwasi diga wasal - meta in-nisrani fis-socjeta Maltija jkun f'minoranza zvantaggjata. Peppi ser jieqaf man-niisrani u jghatih vuci u jaqbez ghalih?

    Nispera li IVA!

    ReplyDelete