Tuesday, 18 July 2017

Xi 7 affarijiet li żgur ma kontx taf fuq il-Hooligan...u waħda minnhom hi li m'għadux 'Hooligan'


Qabel ma kien oriġinali, il-Hooligan kien jgħix fil-faqar, għadda minn żmien ta' bullying u waqa' żewġ sulari u nofs u kien qed imut. Illum huwa wieħed mill-aktar kantanti li qatt għamlu suċċess f'Malta u l-eks mara tiegħu hija waħda mill-akbar ħbieb li għandu.

Dan kollu u ħafna aktar iddiskutewh hu u Mark meta ħarġu dawra bil-karozza, li tista' taraha f'dan il-filmat:





Johnston Farrugia, magħruf aħjar bħala l-Hooligan, qassar l-istage name tiegħu għal Hooli, wara li ilu għal dawn l-aħħar xhur jaħdem fuq proġetti ġodda, pjuttost oriġinali! Fost l-oħrajn kellu l-opportunità li jmur ikanta ma' Amber fiċ-Ċina, u issa qed jaħdem fuq proġett ġdid li tista' tara teaser tiegħu hawn taħt. Imma aktar dwar dak dalwaqt.

Fl-intervista, il-Hooli jgħid lil Mark li kull fejn ikun in-nies jgħidulu biex iqabblilhom waħda. Dak il-ħin Mark jistaqsih biex iqabbillu waħda, u kelma ġġib lill-oħra u jispiċċaw jagħmlu rap battle qasira.

Il-Hooli jirrakkonta kif meta kien tifel żgħir waqa' żewġ sulari u nofs fid-dar tiegħu stess.

"Qomt bil-lejl biex nidħol sat-toilet, u jien u miexi lura lejn il-kamra tas-sodda, għaddejt mill-bieb tax-shaft flok mill-bieb tal-kamra tas-sodda," jispjega l-Hooli. "Domt ħafna l-isptar u kont se mmut."

Il-farrett li għandu fuq moħħu huwa 'tifkira' ta' dan l-inċident, u l-Hooli jgħid li kien hemm min offrielu sponsor biex ineħħih, imma hu assolutament ma jridx. "Dik it-trademark tiegħi," jgħid lil Mark bid-daħka.

Madanakollu, il-Hooli jammetti wkoll li dan il-farrett u affarijiet oħra kienu l-kawża ta' ħafna bullying meta kien għadu żgħir.

"Kienu jwaddbuli n-nemel fil-lunch u ċ-chewing gum f'xagħri, u lil ommi ma kontx ngħidilha," jirrakkonta. "Imma biż-żmien, grazzi għal ħafna ħbieb ġenwini, irnexxieli nqum fuq saqajja u llum kburi ngħid li ma nħalli lil ħadd jagħmel li jrid bija."

Jirrakkonta wkoll kif xi żmien qabel beda jikteb l-ewwel kanzunetti rap, għex litteralment fil-faqar. "Kont immur nixtri ħobża, għax dik timlik, u kont nagħmel ġurnata biha," jispjega l-Hooli. "U fis-Sajf, peress li ma kellix fann, kont ngħaffeġ l-imħadda ġol-friża - il-friża dejjem kienet tkun vojta għax bla ikel - u noħroġha qabel norqod ħalli bil-lejl ngħannaqha miegħi."

Imma l-ħajja tal-Hooli nqalbet ta' taħt fuq meta darba kien hemm xi ħadd li qabbad lilu u lil sieħbu jiktbulu sigla ta' programm għar-radju.

"Wara dik kont ktibt kanzunetta rap u semmajtha lil ħabiba tiegħi, Joanne, li sal-lum nafdaha b'għajnejja magħluqa u nħobbha daqs oħti. U malli semgħetha għoġbitha u marret tatha lil Alfie Fabri, li dak iż-żmien kien DJ fuq ir-radio. U meta semagħha, daqqha dak il-ħin stess."

Wara dik il-kanzunetta ġiet il-kanzunetta Oriġinali Bħali, u ħafna kanzunetti oħra, u l-Hooli sploda fil-popolarità.

"Kont għadni żgħir ħafna u ma bdejtx nifhem kif kienet qed tiġri...ma bdejtx inlaħħaq mas-CD's," jirrakkonta l-Hooli hu u jiftakar f'dawk iż-żminijiet. "Kienu jiġu l-Pulizija jħabbtuli l-bieb u jgħiduli li qed jaqbdu lin-nies jagħmlu l-kopji tas-CD tiegħi biex ibiegħuhom."

Is-suċċess tal-Hooli jidher li mhux se jieqaf hawn, għaliex bħalissa qed jaħdem fuq proġetti ġodda li ma tantx xtaq jikxef sigrieti dwarhom. Semmielna li ġej xi proġett fuq it-televiżjoni, imma l-aktar ħaġa li huwa eċitat għaliha hija l-kanzunetta l-ġdida Mument ta' Skiet, li għandha tema pjuttost spiritwali. M'hemmx xi ngħidu, il-lirika hija tiegħu stess, u l-mużika hija tal-kompożitur Elton Zarb.

Il-Hooli aċċetta li jagħtina dan it-teaser qasir ta' dak li ġej dalwaqt!

No comments:

Post a Comment