Friday, 21 July 2017

"Darba refgħu karozza pparkjata f'kaxxa bajda bil-forklifter"


Raġel minn Santa Venera jallega li ħaddiema li jħottu l-kontenituri refgħu karozza li kienet ipparkjata f'kaxxa bajda bil-forklifter.


Ma' Xarabank, ir-raġel jispjega s-sitwazzjoni li ilha għaddejja snin twal fi Triq Ħal Qormi: "Xi negozjanti għandhom ħafna garaxxijiet mikrija hemmhekk u jiġu jħottu l-kontenituri." Però jaqsam magħna l-akbar problema li qed issib: "Huma jħottu kontenituri taħt il-garaxx ta' fejn noqgħod jiena. Iħottu mal-art, meta mhux sippost, u l-inkwiet tiegħi hu jekk jinqaleb xi wieħed minnhom. Apparti li jikkawża ħsara kbira l-post tiegħi, ikun ta' periklu għal familti." 

"Meta morna l-laqgħa tal-Kunsill, kien ġie rappreżentant tal-Pulizija u qalilna li ħadd ma jista' jħott affarijiet mal-art għaliex il-liġi ma tħallikx," jgħid ir-raġel. Huwa jallega wkoll li f'din it-triq qed jitwaħħlu xi permessi biex ma jipparkjawx karozzi ħalli jkunu jistgħu jħottu imma dawn ma jkollhomx timbru tal-Kunsill u tal-għassa. Iżid jgħid: "Il-Kunsill Lokali ta' Santa Venera mhux qed joħroġilhom dawn il-permessi iżda n-negozjanti qed jgħidu li l-permessi qed jinħarġu mill-Pulizija."



Ir-raġel jistqarr li ilu jirrapporta din is-sitwazzjoni: "Irrapportajna l-għassa tal-Ħamrun u l-aħħar li telgħu l-pulizija aġġixxew għax rajthom iħarrku. Iżda s-sitwazzjoni donnha marret għall-agħar għax iktar qegħdin iħottu." 

L-istorja ma tiqafx hawn għax ir-raġel jallega wkoll li ċaqalqu karozza pparkjata bil-forklifter: "Apparti li ġieli laqgħtu l-karozzi, darba refgħu anke karozza li kienet ipparkjata f'kaxxa bajda bil-forklifter. Din il-ġimgħa kienu se jerġgħu jagħmluha din il-biċċa xogħol."

Filwaqt li jgħid li s-Sindku fetaħ kawża kontrihom, jappella lill-awtoritajiet biex jieħdu l-passi meħtieġa. Itemm jgħid: "Jekk mhux se tittieħed azzjoni, illum jew għada ħa jweġġa' xi ħadd jew se tiġri diżgrazzja."


Xarabank ilu jsegwi din l-istorja minn April li għadda. Kien bagħat il-mistoqsijiet tiegħu lill-Pulizija li qalu li għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.









No comments:

Post a Comment