Friday, 28 July 2017

Caricia tirrakkonta kif ommha nqatlet mill-ex għarus tagħha


Omm Caricia, Christina Sammut, inqatlet 7 snin ilu, fl-10 ta' Diċembru tal-2010, fiż-Żebbiegħ. L-ex għarus ta' Christina nstab ħati tal-qtil tagħha. Seba' snin ilu, eżatt wara li qatlu lil ommha, Caricia kienet għamlet intervista esklussiva ma' Xarabank. Illum, 7 snin wara, Caricia qiegħda fl-istess studio ta' Xarabank tirrakkonta x'gara minn dakinhar li qatlu lil ommha. 

Illum Caricia qiegħda fl-istudio ta' Xarabank, iġġedded il-memorji koroh, tirrakkonta x'ġara dakinhar tal-qtil ta' ommha u tgħidilna kif ħajjitha nbidlet minn dakinhar 'l hawn. 

Fl-intervista Caricia tirrakkonta kif għal xhur sħaħ l-ex għarus ta' ommha kien jhedded lil ommha li se joqtol lilha u lil kull min ikun magħha. Caricia tgħid, "kien qed jiġri warajna ħafna, eżempju darba żammilha sikkina ma' għonqa għal sagħtejn." 

Caricia tkompli tgħid li ommha kienet f'relazzjoni ma' dan il-ġuvni għal 4 xhur biss u meta ddeċidiet li ma tibqax miegħu sar possessiv u kien jgħidilha "jekk ma tkunx tiegħi, ma tkun ta' ħadd". 

Lil dawk għaddejjin minn esperjenza simili għal dik ta' ommha, Caricia tgħidilhom "itilqu!". 

Caricia tgħid li dakinhar li ommha nqatlet, hi kellha tkun magħha, iżda b'xorti tajba ma laħqithiex u ftehmu li jiltaqgħu filgħaxija. Caricia filgħaxija saret taf minn Facebook li ommha kienet inqatlet, u li issa hi spiċċat orfni, għax Caricia kellha biss lil ommha. Caricia u Christina filgħaxija ma ltqagħux. 

Wara 7 snin mill-qtil ta' ommha, Caricia llum iżjed b'saħħitha minn qatt qabel. Malli tiltaqa' magħha mill-ewwel turik kemm kibret fi tfajla determinata li ma tħalli xejn jaqtagħlha qalbha. 

Illum, fl-età ta' 23 sena, Caricia qed tikkompeti f'Miss Universe Malta u qiegħda tirrappreżenta l-lokalità tar-Rabat. Il-konkors se jsir nhar il-Ġimgħa 4 ta' Awwissu u qed jiġi organizzat minn Jeff Francalanza u Alan Darmanin.

Xarabank jawguralha.

Ara l-intervista sħiħa ma' Caricia f'dan il-filmat:

No comments:

Post a Comment