Thursday, 20 July 2017

BIR-RITRATTI: "Fl-operazzjoni it-tabib tani lura n-nifs u ddrittani"


Aaron huwa ġuvni ta’ 21 sena fost 10 aħwa li twieled b'każ gravi ta' Spina Bifida, jiġifieri bi spina li ma leħħqitx iffurmatMinħabba f'hekk Aaron ilu ħajtu kollha jgħix ġo siġġu tar-roti; u fl-età ta' 10 snin, żviluppatlu wkoll l-iscolioses. 

Ftit ta' xhur ilu l-kundizzjoni ta' Aaron ġiet tant gravi li l-ispina bdiet tgħaffiġlu l-pulmun u taqtagħlu n-nifs, tant li kważi kienet se toqtlu.


Ftit tal-ġimgħat ilu Aaron kellu jitla' l-Ingilterra għal operazzjoni serja ħafna. Fl-operazzjoni kellhom iressqu l-ispina 'l bogħod mill-pulmun sabiex Aaron ma jibqax fil-periklu tal-mewt.


Ritratt: Aaron ma' uħud minn ħutu

Aaron jitla’ għall-operazzjoni ġewwa l-Ingilterra u ddum 7 sigħat sħaħ. Qabel l-operazzjoni t-tabib jgħid lil Aaron li minn din l-operazzjoni Aaron se joħrog l-istess, ħlief li l-ispina se tieqaf tgħaffeg il-pulmun.

Aaron iqum mil-loppju tal-operazzjoni u mill-ewwel iħoss xi ħaġa stramba f'dahru. Immedjatament, missier Aaron jgħidlu li t-tabib irnexxielu jiddrittalu l-ispina b'mod impressjonanti.


Meta Aaron jistaqsi lit-tabib għaliex ma kienx qallu minn qabel x'kien se jagħmel, it-tabib iwieġeb hekk, “Lill-pazjenti ma nħobbx ngħidilhom li nkun se nipprova niddritta l-ispina għax jekk ma jirnexxilix jiddiżappuntaw ruħhom, allura l-ewwel nagħmilha u mbagħad wara jekk tirnexxi ngħidilhom. Tiegħek irnexxiet”.





Ritratt: Aaron mal-kirurgu li operah.


Ir-ritratti ta' hawn taħt juru l-ispina ta' Aaron qabel u wara l-operazzjoni. 



L-ispina ta' Aaron qabel l-operazzjoni.



L-ispina ta' Aaron wara l-operazzjoni.


Wara din l-operazzjoni serja Aaron qed jieħu nifs ħafna aħjar. Iżda wkoll qed iħossu ħafna aħjar bl-apparenza fiżika tiegħu għaliex issa jista' jpoġġi iżjed dritt.

Bħalissa Aaron qed jikteb l-awtobijografija tiegħu. Wasal fl-aħħar fażijiet tal-ktieb u sab ukoll xi ħadd li se jippubblika dan il-ktieb. L-idea li nikteb dan il-ktieb nibtet wara li kont ktibt artiklu fiċ-ċirkulari tal-grupp Link Youths u li għalih kelli rispons pożittiv ħafna. Aaron jgħid li l-kitba ta' dan il-ktieb kienet possibbli grazzi għas-sapport kbir li sab mingħand il-ġenituri tiegħu u mingħand sħabu. 

Għas-suċċess ta' din l-operazzjoni li biddlitlu ħajtu, Aaron jirringrazzja lill-ġenituri, lill-familja u lill-ħbieb tiegħu, lill-Onorevoli Ministru Chris Fearne u l-ministeru tas-saħħa, lill-Puttinu Cares u l-Malta Community Chest Fund, lill-kirurgu Mr. Colin Nnadi u lit-tim tieghu, lill-istaff kollu ta' Karen Grech RW1 u fl-aħħar lil Alla talli mlieh bil-kuraġġ u d-determinazzjoni.

No comments:

Post a Comment