Saturday, 22 July 2017

BIL-FILMATI: 3 xhur wara li sar papà jerġa' joħroġlu kanċer


Dan huwa Clint. Clint jerġa' joħroġlu l-kanċer għat-tieni darba.


Ħa nfakkrukom ftit l-istorja tiegħu...

Clint, 12-il sena ilu, marad bil-kanċer u qatt ma kien jemmen li xi darba jista' jsir missier.
Mal-aħbar li marad bil-kanċer, Clint jispjega: "Dak il-ħin qisha taqa' bomba fuqek." Dak iż-żmien Clint kellu biss 15-il sena u "filli qed tippjana biex tagħlaq is-16-il sena ħalli titla' Paceville u minflok ta' 16-il sena kelli nitla' mill-ewwel l-Ingilterra."


Bl-għajnuna tal-kura u ta' Puttinu, Clint fieq u ltaqa' ma' Maryrose. Jispjega: "Ilni seba' snin ma' Maryrose u sentejn u nofs ilu żżewwiġna." Illum din il-koppja għandhom tarbija jisimha Emma.

Maryrose tistqarr li "tant kien hemm affarijiet, anke l-istorja tiegħu stess, li lanqas qatt ma ried jemmen li jista' jkollu tfal u f'daqqa waħda għandu tifla." Iżżid tgħid, "Dan kollu grazzi għal Puttinu."

Tkompli tgħid: "Tkun għaddej minn stress qawwi, imbagħad issib lil dawn in-nies li litteralment anġli."


Dwar xi jfissru għaliha Clint u Emma, Maryrose tgħid: "Huma ħajti, jiġifieri m'hemmx xi tgħid iktar. In-nifs tiegħi huwa hu u t-tifla bħalissa." Clint jistqarr: "Dan huwa biki ta' ferħ għax għadna s'issa ma nistgħux nemmnu."


Ftit tal-ġimgħat ilu lil Clint jerġgħu jsibulu kanċer. "Kont ilni nħossi żewġ boċċi f'għonqi imma dejjem bqajt nittrateni minħabba x-xogħol. Però f'mument minnhom iddeċidejt li mmur għand it-tabib u rreferini mill-ewwel għall-E.N.T," jispjega Clint. Iżid jgħid li wara t-testijiet ikkonfermawlu li għandu tip ta' Thyroid Cancer: "Dak il-ħin ħadt xokk għaliex dan il-kanċer m'għandu jaqsam xejn mal-ewwel kanċer li kelli." 

Illum (is-Sibt) Clint se jgħaddi minn operazzjoni kbira: "Illum se jneħħuli t-tieni biċċa tat-thyroid. Imbagħad jerġgħu jeżaminawni u nimxu minn hemm." L-operazzjoni ta' llum fiha r-riskji: "Waqt l-operazzjoni ħa jgħaddu eżatt minn mal-kordi vokali u hemm riskju li nitlef leħni," iżid jgħid Clint.


Għal Clint, it-tifla tiegħu Emma hija ħajtu: "Mill-ewwel ġurnata li nqabdet tqila Maryrose għedtilha li nixtieq nara lil Emma tikber. Dak huwa l-għan ta' ħajti għaliex m'għandix għanijiet oħra fil-verità." 

Maryrose tistqarr li Emma qed nessilhom minn dak li qed jgħaddu minnu bħalissa: "Imnalla hemm Emma għax tnessina ħafna. Tant inkunu impenjati biha li bqajna ngħixu normali." Clint iżid jgħid li permezz ta' Emma m'għadhomx jitkellmu fuq il-mard.

Ta' 15-il sena, qabel ma ħa l-kimoterapija, lil Clint kienu tawh il-parir biex jerfa' l-isperma ħalli fil-futur ikun jista' jkollu tfal: "Li kieku m'għamiltx hekk u ma ħsibx għall-quddiem kieku fiż-żgur li llum il-ġurnata ma jistax ikollna tfal."

Maryrose tistqarr li Clint minkejja l-marda jibqa' determinat: "Għadda minnha u ħe jerġa' jgħaddi minnha imma Clint determinat u kuraġġuż ħafna." "Fis-seba' snin li ilna flimkien qatt ma għedna għall-erwieħ u ħadna brejk. Imma fl-istess ħin kull ħaġa li ġiet fuqna, naħseb tant iġġilidnieha flimkien li għaqditna ħafna iktar. Meta għandek l-għajnuna u l-appoġġ, għandek iktar minn biżżejjed," iżid jgħid Clint. 


Maryrose ttemm billi tirringrazzja lil Clint: "Ngħid grazzi lil Cint mhux għalina biss imma għall-kuraġġ li qed jagħmel lin-nies. Ġieli jiġu klijenti għandi jgħiduli kemm għamillhom kuraġġ għax ikunu għaddejjin minn esperjenza simili." Kemm Clint u kemm Maryrose huma hairdressers u llum Maryrose se tkun qed tieħu ħsieb ix-xagħar tal-klijenti ta' Clint. Mil-lum sat-3 t'Awwissu Clint mhux se jkun qed jaħdem fil-ħanut bħala hairdresser.

Clint itemm jgħid li qed jispera li tibda t-triq għall-fejqan.

Filmat: Xandru Azzopardi
Editing: Andrew Borg Carbott


No comments:

Post a Comment