Wednesday, 26 July 2017

BIL-FILMAT: Se jaqsmu minn Malta sal-Awstralja b'mutur



Ritratt: Deborah u Daryl

Dawn Deborah u Daryl. Koppja li b'mutur wieħed f'Settembru li ġej se jgħaddu minn 15-il pajjiż biex jaslu l-Awstralja. Matul dan il-vjaġġ se jieqfu f'diversi pajjiżi biex jagħmlu xogħol volontarju.


Kif ġietu din l-idea lil Daryl? "Kont nara din ir-rivista li kienet toħroġ darba fix-xahar u fih kont nara stejjer ta' min kien ibigħ id-dar biex jitla' għall-avventura jew jaqsam id-dinja u minn hemm ġiet din l-idea. Moħħi beda jtektek li nagħmel din l-avventura mill-2013," jispjega Daryl.

Imma kif iltaqgħu Deborah u Daryl? Deborah tirrakkonta li ltaqgħu waqt li kienet ix-xogħol: "Kont qiegħda x-xogħol f'ħanut tax-xorb u Daryl kien l-fotografu tal-avveniment. Xħin rajtu ħadt grazzja miegħu. Sibt ritratt li kien ħadli fuq Facebook u fejn qatt ma nagħmilha, żidtu bħala ħabib fuq Facebook. Ma kellimtux jien imma daħal ikellimni hu. Bdejna nitkellmu, fosthom fuq l-ivvjaġġjar." 


Iżżid tgħid li darba fost oħrajn saqsieha jekk kellhiex aptit tmur dawra miegħu fuq il-mutur u marret. "Avolja ma qatt ma rkibt mutur, mort, imma sakemm wasalna fejn kellna mmorru kelli rogħda kbira fuqi." tistqarr Deborah. 

B'kuntrarju, Daryl ilu jsuq il-mutur żmien twil u jispjegalna kif wiret din l-imħabba lejn il-muturi minn missieru. Jispjegalna li mutur jagħtih l-libertà: "Li ssuq mutur jagħtini sens ta' libertà tal-ġenn."  



F'din l-avventura, Daryl u Deborah se jsuqu b'mutur wieħed u għalhekk kellu jarmah sew għal din l-avventura. "Peress li se nkunu żewġ min-nies fuq il-mutur se tkun sfida ikbar. Għalhekk irridu nieħdu affarijiet għal żewġ min-nies. B'mutur wieħed għandna inqas fejn nitfgħu affarijiet. Għamilna żewġ basktijiet għal quddiem tal-mutur u kemm stajna kull rokna vojta li għandu l-mutur, ippruvajna nivvintawlu xi ħaġa biex nitfgħulu iktar affarijiet," jispjegalna Daryl. Fil-pront, Deborah tistqarr b'nofs tbissima: "Bażikament jekk se neħxin jitlaqni f'nofs tat-triq."

Wieħed jista' jkun parti f'din l-avventura billi jagħti donazzjoni: "Bdejna minn issa niġbru l-flus. Ħriġna b'dan il-kunċett li għal kull €10 nipprovdu uniformi lil tifel jew tifla fl-Indja," tgħidilna Deborah. 

Filwaqt li wieħed jista' jagħti donazzjoni hawnhekk, wieħed jista' jsegwi l-avventura fuq www.wildfeathersblog.com u fuq www.fb.com/wildfeathersblog


Filmat: Xandru Azzopardi
Editing: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment