Wednesday, 12 July 2017

BIL-FILMAT: Ilbieraħ x'għamlu u x'qalu minn Kastilja sal-Parlament?


"Onorevoli Edwin Vassallo, meta tmut quddiem Alla se tidher u mhux quddiem Simon Busuttil."

Ilbieraħ filgħaxija quddiem Kastilja nġabru mijiet ta' nies biex sa quddiem il-bini tal-Parlament il-Belt jipprotestaw kontra l-liġi taż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess.

Din il-mixja ġiet organizzata mill-Koalizzjoni għall-Ħajja, iż-Żwieġ u l-Familja. Kien hemm ħafna organizzazzjonijiet, fosthom il-grupp River of Love ta' Gordon Manché, Life Network Foundation Malta u l-Partit tal-Patrijotti Maltin.



Philip Beattie, ir-rappreżentant tal-grupp fuq Facebook Defend Traditional Marriage in Malta: 1 man + 1 woman, appoġġja l-pass li ħa d-Deptutat Nazzjonalista Edwin Vassallo meta vvota kontra l-abbozz kif imressaq mill-Gvern fit-tieni qari. Beattie indirizzah u qallu: "Onorevoli Edwin Vassallo, meta tmut quddiem Alla se tidher u mhux quddiem Simon Busuttil."

"Din il-liġi li se jgħaddu hija intiża biex tkasbar il-liberta' tal-kuxjenza, id-dritt tal-espressjoni ħielsa u l-libertà reliġjuża. Fil-fatt din il-liġi tgħid li membri tal-kleru u nies reliġjużi huma eċċezzjoni u jistgħu jgħidu l-affarijiet tagħhom. Il-bqija tal-popolazzjoni ma tista' tgħid xejn għax tiġi mkasbra bħala omofobika. Din hija theddida kontra d-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u kontra l-ħajja," qal Beattie.


Dr Miriam Sciberras mill-Life Network Malta Foundation qalet: "Jekk tgħaddi din il-liġi se jitneħħa kliem bħal żewġi u marti, omm u missier. Għalina dan mhuwiex kliem biss imma huwa kliem ankrat fl-antropoloġija, il-pedagoġija u f'ħafna affarijiet oħra. Il-biża' tagħna hi li din il-liġi hija biss il-bidu tal-imponiment fuq Malta bl-ideoloġija tal-ġeneru. Għaldaqstant mhux veru se jkun hemm tolleranza li tirrenja. Ħa jkun hemm dittatorjat fejn kull min ma jaqbilx, ma jkunx kapaċi jitkellem. Jekk lanqas il-vot tal-kuxjenza mhu tollerat, allura fejn hi t-tolleranza. Fejn huma l-liberali li sippost jaċċettawni, jisimgħuni u jħalluni ngħix?"


Tkellimna wkoll ma' Norman Scicluna tal-Moviment Patrijotti Maltin: "Inħoss li l-valur tal-familja tradizzjonali qed jintilef b'din il-liġi. Inħoss li xi ħadd irid isostni li post il-familja, post l-omm u post il-missier għadu hemm. Jien personali m'għandi xejn kontra gays li jiżżewġu, forsi mhux mill-aspett reliġjuż ,imma mill-aspett legali għandhom kull dritt. Ma kellniex għalfejn inżarmu l-familji biex tgħaddi l-liġi taż-żwieġ tal-gays. Inħoss li fil-liġi l-omm faċilment setgħet tibqa' tissejjaħ omm u li missier jibqa' jissejjaħ missier. Inħossu wkoll li din il-liġi hija l-ewwel pass għal serje ta' liġijiet oħra li jistgħu jiġu introdotti fil-pajjiz u li bihom se jiftħu bibien oħra li ma nafux fejn se jwassluna, fosthom is-surrogacy u l-IVF."



Pastor Gordon Manché stqarr waqt il-protesta li dawk preżenti kienu hemmhekk għaliex jemmnu fil-prinċipji sodi. Kompla billi qara silta mill-Ktieb tal-Proverbji u mill-Evanġelju ta' San Mattew.



Fil-protesta ddominaw il-bnadar ta' Malta, ix-xemgħat mixgħula u t-tliet minuti ta' silenzju ta' talb. Lejn l-aħħar tkanta wkoll l-Innu Malti li tmexxa minn Gordon Manché. Fil-bidu kien hemm preżenti wkoll persuni gays bil-kartelluni God is Love u Marriage is about Love not Gender.

Il-vot dwar l-abbozz ta' liġi dwar l-att taż-żwieġ mill-Membri Parlament se jittieħed iktar tard illum. Jekk dan il-vot jgħaddi, illejla mistennijin ikun hemm ċelebrazzjonijiet kbar mill-komunità LGBTIQ fi Pjazza Kastilja.

Filmati u editing: Xandru Azzopardi

No comments:

Post a Comment