sponsors

Wednesday, 5 July 2017

BIL-FILMAT: Charles u Camilla mogħxijin bid-daħk


Fil-filmat ta' hawn taħt, il-Prinċep Charles u l-mara tiegħu Camilla jidhru mogħxijin bid-daħk li qabadhom waqt ċerimonja formali fil-Kanada.
Charles u Camilla kienu qegħdin waqt ċerimonja solenni waqt żjara statali fil-Kanada. Waqt din iċ-ċerimonja, żewġ tfajliet tal-lokal jidhru qed ikantaw kanzunetta tradizzjonali tal-post. Il-kanzunetta tissejjaħ Katajjaq, u hi pjuttost differenti mill-kanzunetti li aħna mdorrijin bihom, għaliex din il-kanzunetta ma fihiex melodija u ma fihiex kliem.

 

Il-kanzunetta hija speċi ta' logħba li fiha, żewġ kantanti joqogħdu bilwieqfa faċċata ta' xulxin u waqt li kważi qed imissu sider ma' sider b'mikrofonu bejniethom, jibdew jagħmlu sensiela ta' ħsejjes mill-gerżuma billi jdaħħlu u joħorġu l-arja minn ħalqhom. (ARA l-filmat biex tifhem eżatt x'qed nippruvaw ngħidulek)

Il-ħsejjes huma strambi mmens, u jekk tipprova tagħmilhom b'ħalqek tinduna li xejn mhi faċli li żżomm sensiela ta' ħsejjes bħal dawk ħerġin minn ħalqek. Fil-fatt, fil-logħba, jirbaħ min jirnexxilu jibqa' għaddej l-aktar b'dawn il-ħsejjes. L-ewwel wieħed li jitlef il-beat jew jimmissja nifs, jitlef.

Fil-filmat jidhru żewġ tfajliet qed ikantaw din il-'kanzunetta' u l-Prinċep Charles u Camilla jidhru li ma jistgħux iżommu bid-daħk.

Ngħiduha kif inhi, għal xi raġuni, kollox isir iżjed tad-daħk meta tkun f'post fejn mhux suppost tidħak, u jekk tiġik id-daqquqa f'ċirkustanza serja bħal din, diffiċli ħafna biex twaqqafha.

Jekk xi darba ssib ruħek f'sitwazzjoni bħal din u jkollok bilfors tieqaf milli tidħak, agħmel waħda minn dawn l-4 affarijiet:

  1. Igdem ilsienek jew xofftok ta' isfel.
  2. Igdem iż-żewġ naħat ta' ġewwa ta' ħalqek bi snienek.
  3. Aħseb f'xi ħaġa tad-dwejjaq.
  4. Ipprova ibdel il-ħsieb. Pereżempju, billi tgħodd mill-1 sal-10 bil-kontra, taħdem xi somma ġo moħħok, jew tkanta diska li taf (ġo qalbek). Fil-verità tista' taħseb li trid...basta tneħħi dak li qed idaħħqek minn moħħok!
Kitba: Maria Desira

1 comment: