sponsors

Sunday, 2 July 2017

"Bad taste" - L-Arċisqof jitkellem dwar ir-reklam ta' Ġesù u l-appostli jieklu l-burgers


Wara li lbieraħ eskalat sew il-kontroversja dwar ir-reklam li juri lil Ġesù u l-Appostli jieklu l-hot dogs  u l-burgers waqt l-Aħħar Ċena, aħna kkuntattjajna lill-Mexxej tal-Knisja f'Malta - l-Arċisqof Charles Scicluna u tlabnih jgħidilna x'jaħseb dwar dan ir-reklam.

"Bad taste" kienu l-ewwel żewġ kelmiet li qalilna l-Arċisqof, li jidher li dan ir-reklam ma tantx niżillu. L-Arċisqof ta' Malta huwa wkoll gradwat bħala avukat, u meta tlabnih jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu, ir-risposta li tana verament kienet risposta ta' avukat.

"Meta rajt ir-ritratt tar-reklam tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo Da Vinci bil-pizza u ċ-chips ġewni f'moħħi żewġ kelmiet bl-Ingliż: bad taste. U forsi dak huwa l-veru messaġġ tar-reklam."

Il-kontroversja nqalgħet fl-aħħar jumejn, wara li s-sidien tal-ħwienet New York Best ħarġu poster biex jirreklamaw l-ikel tagħhom. Il-poster juri l-Aħħar Ċena ta' Leonardo Da Vinci, imma huwa editjat, għax minflok il-ħobż u l-inbid, Ġesù u l-Appostli jidhru qed jieklu ikla kbira New York Best. Min qed jiekol hot dog, min burger u min għandu kaxxa chips quddiemu. Ġesù għandu pizza enormi quddiemu u saħansitra, wieħed mill-appostli jidher qed jisqi milkshake ta' New York Best lil San Ġwann.

Il-poster ta' 12-il pied li twaħħal l-iskatepark tal-Imsida dil-ġimgħa
L-Affresk oriġinali tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo Da Vinci (c.1496).
Jinsab fir-refettorju tal-Kunvent ta' Santa Marija tal-Grazzji f'Milan.
Il-poster ittella' fuq Facebook u twaħħal ma' faċċata ta' binja mar-roundabout tal-iskatepark tal-Imsida. Il-poster li twaħħal l-iskatepark huwa kbir xejn inqas minn 12-il pied u jidher li dan kien l-aktar li ħaraq lin-nies, għaliex fi ftit sigħat minn x'ħin ittella', is-social media kienet diġà qed tinfaqa' b'kummenti ta' nies li għoġobhom jew ħaraqhom.

Ħafna nies dehrilhom li din kienet idea tajba u kreattiva. Għoġbithom u qalu li għandna bżonn ta' aktar reklamar minn dan, għax iqanqal tbissima. Madanakollu, ħafna oħrajn offendew ruħhom u qalu li reklam bħal dak iwaqqa' għaċ-ċajt it-twaqqif tal-Ewkaristija.

Id-diskussjoni fuq Facebook kienet jekk dan ir-reklam iwaqqax għaċ-ċajt ir-Reliġjon Kattolika jew le. Naturalment kien hemm min offenda ruħu u kien hemm min ipprova jipperswadi lil min offenda ruħu li kieku Ġesù kien jgħix fl-2017, kieku x'aktarx li fl-aħħar ċena xi ħaġa hekk kien jiekol.

Oħrajn pruvaw ikunu aktar analitiċi u qalu li r-reklam sar speċifikament biex jaqla' kontroversja ħalli jmur viral u jarawh aktar nies. "More likes, more shares, more comments, more discussions, that's more advertising. Fools."

Saħansitra kkummenta wieħed mill-ħaddiema li printjaw il-poster. Qal: "Minn x'ħin rajtu fuq l-iskrin qabel ipprintjajnih indunajt li se joħloq kontroversja...jien ma jogħġobnix. Li designer jasal għal konklużjoni bħal din hija tajba daqs kemm hi fjakka...designer tajjeb ifittex li jagħmel reklam uniku, u mhux jagħmel editing li jaf jagħmlu n-neputi tas-sagristan."

Xi ħadd ieħor fakkar lil sid ir-restorant li darba kien hemm restorant ieħor li spiċċa falla wara li għadda kumment fuq tim tal-futbol. U żied jgħidlu: "I wish you the same in weeks, or better, in days."

(Mhux eżatt l-ispirtu tal-Vanġelu li qed jipproteġi, imma nsomma).

Però hemm diskussjoni anke fuq kif u għalfejn toffendi ruħek. Għaliex kulħadd joffendi ruħu b'affarijiet differenti, u forsi jekk ikollna nneħħu kull ħaġa li toffendi lil xi ħadd, nispiċċaw b'pajjiż vojt.

Din il-mara, pereżempju, talbet li issa jitneħħew il-billboards tal-lingerie. "Jista' xi ħadd jiġi jgħinni nneħħi l-billboards tal-malji u l-lingerie? Għax bħala mara jurtawni."

Imma s-sitwazzjoni kompliet teskala wara li lbieraħ (Is-Sibt) filgħaxija, għall-ħabta tas-7:30pm, il-Kap tal-Partit tal-Patrijotti Maltin, Henry Battistino flimkien ma' kandidat ieħor li ħareġ għall-Elezzjoni li għaddiet mal-istess partit, marru l-iskatepark u ċarrtu l-biċċa tal-poster fejn jidher Ġesù. Wara li qalgħu lil Ġesù minn mal-bqija tal-Appostli, ħadu ritratt miegħu u tefgħuh Facebook.

Henry Battistino qed iċarrat l-parti tal-poster fejn kien hemm Ġesù bil-pizza quddiemu

M'għandniex xi ngħidu, dik kompliet iżżid il-ħruq f'ħafna aktar nies u lbieraħ filgħaxija l-internet kien mixgħul b'din il-kontroversja. Aħna bgħatna lil Henry Battistino biex nitolbuh iwieġeb xi mistoqsijiet b'rabta ma' dak li għamlu lbieraħ, imma s'issa għadna ma rċevejniex risposta. Malli jkollna r-risposti tiegħu nippubblikaw dawk ukoll.

F'dak il-mument li dawn iż-żewġ persuni kienu qed iċarrtu l-poster, wieħed mis-sidien ta' New York Best, Tommy Diacono, għadda minn hemm bil-karozza, ħadilhom filmat, tefgħu Facebook u miegħu tefa' l-caption "Don't you know he'll be back in three days?" Din għamilha b'referenza għall-ġrajja ta' Ġesù, li wara tlett ijiem li miet, qam mill-mewt.

Ftit tal-ħin wara li Tommy ħa dak il-filmat aħna tkellimna miegħu u staqsejnih fost l-oħrajn "will Jesus be back in three days?"

Tommy Diacono, wieħed mis-sidien tal-franchise New York Best
"Da Vinci kien ġenju, u l-pittura tal-Aħħar Ċena tmur lil hinn mir-Reliġjon," qalilna Tommy. "Fil-fatt għażel li fl-isfond ipittrilha arkitettura kontemporanja biex jagħmilha aktar relevanti għaż-żminijiet, u bħal dik il-kamra tal-Aħħar Ċena, il-ħwienet tagħna huma l-post fejn tista' tiġi u tixxerja l-ikel ma' sħabek."

Tommy stqarr li kien qed jistenna xi tip ta' reazzjoni, imma ammetta li ma kienx qed jobsor din id-"drama" kollha.

"Niskanta kif ċerti nies għandhom opinjoni kontra l-ugwaljanza, kontra l-immigrazzjoni u kontra l-immigranti, u mbagħad jemmnu ħafna fi Kristu, li f'ħajtu ppriedka l-imħabba u l-ugwaljanza, li huma l-affarijiet li ma jgħixux huma. Għalija din hija kontradizzjoni," kompla jgħidilna Tommy.

Meta staqsejtu jekk hux se jirranġa l-poster li ġie mċarrat, bagħtli dan ir-ritratt u kitibli "jaf inwaħħal dan issa."


U b'nofs ċajta qalli: "Imma ma naħsibx li jħalluni haha!"

Tommy ikkritika wkoll lill-persuni mill-Partit tal-Patrijotti Maltin. "Dawn huma n-nies li f'waħda mill-attivitajiet tagħhom qassmu s-sandwiches bil-perżut, apposta, għax il-Musulmani ma jiklux perżut," spjegali. "Għalija, dak il-ġest huwa ħafna aktar offensiv."

Ma setax jonqos li ġrajja bħal din ġabet magħha reazzjonijiet satiriċi. Kien hemm min ippostja status bil-hashtag #jesuisNYB, u oħrajn ħarġu bit-teoriji tagħhom.

"Poster taċ-ċajt. Kulħadd jaf li Ġesù aktar kien jippreferi ħobż u ħut milli dan il-junk food," qal xi ħadd. U xi ħadd ieħor staqsa lil Tommy jekk hux se jibda jagħmel pizez Cheesus Chrust.

Lil Tommy xi ħadd ikkwotalu l-kliem ta' Ġesù fuq is-salib: "Aħfrilhom għax ma jafux x'inhuma jagħmlu" u ma setax jonqos li jkun hemm xi ħadd ieħor li jgħidlu: "You know you're going on Xarabank Friday hux!!!"


Sfortunatament l-iskeda ta' Xarabank għal din is-sena spiċċat nhar il-Ġimgħa li għadda, jiġifieri bħalissa m'hemmx Xarabank għax waqafna għas-sajf. Imma kieku hemm, tista' sserraħ rasek li iva, konna nistednuh jiġi.

Ix-xogħlijiet ta' Da Vinci minn dejjem kienu ċ-ċentru ta' ħafna kontroversji, spekulazzjonijiet u conspiracy theories matul iż-żminijiet. Lura fl-2003 l-awtur Amerikan Dan Brown kien ħareġ ir-rumanz The Da Vinci Code, li aktar tard kien inħadem f'film. Dakinhar ukoll kienet nibtet kontroversja madwar din il-pittura, li skont dan il-ktieb, kienet tikxef fatti dwar il-ħajja ta' Ġesù li s'issa ma konniex nafuhom, fosthom li Ġesù kien miżżewweġ u li l-Appostlu ta' maġenbu mhi ħadd ħlief il-Madalena.

4 comments:

  1. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
  2. Kont jien li bdejt din il kampanja u ma stenejt qatt li isier vjolenza kont kellimt lil INEWS u lil Sur Sandro Camileri fejn hadu action mil ewwwel ma tistax li f mument ta rabja tiehu il ligi b idejk meta iktar u iktar ikun hemm il puluzija tghamel ix xol nixtieq nghajd grazzi lil min ta kull sapport u nispera li il puluzija turi l id tal hadid jien konvint li Sur Sanro Cammileri ser juza din l id ghandi fiducja kbira fih grazzi

    ReplyDelete
    Replies
    1. kont qed nithajjar nigi l adorazjoni tieghek imma issa zgur li le .infakrek li anki kristu irrabja meta ra il hazin fi tempju .vera trid toqod attent illum tidher li ghadhek tghijx fi dlam kbir .

      Delete
    2. Brian l ewwel net l Adorazjoni mhux tijaj ghax jien biss strument issa jekk trigi jew le dik affarik ghalek Alla huwa imhabba ghax halliena fil liberta u biex qed nghejx fid dlam kbir? Mhux vera li Kristu irabja ? mhux vera li kristu ghamel sawt u sawat bih? mhux vera li kristu qelleb l imwejjed? x ghad hazin pls ?

      Delete