top bar

Wednesday, 14 June 2017

X'qed jagħmlu dawn in-nisa f'dan il-filmat?


Dawn in-nisa ngħaqdu flimkien biex iwasslu messaġġ li jagħti saħħa lil kulħadd, b'mod partikolari lin-nisa.

Fost in-nisa hemm il-personalità u preżentattriċi tar-radju Valentina Rossi u l-kantawtriċi Rhiannon Micallef.

Aħna tkellimna ma' Gabrielle Zammit Grungo li ħolmot li tagħmel kampanja li tagħti saħħa lil kull mara. Bl-isem ta' Orenda, Gabrielle tispjegalna t-titlu ta' din il-kampanja: "L-Orenda hija forza spiritwali li tagħti saħħa lin-nies. Fi kliem ieħor hija tip ta' enerġija li twassal biex tbiddel id-dinja għall-aħjar, billi tbiddel lilek innifsek qabel kollox."



Gabrielle tistqarr li b'dan il-filmat trid turi li bħala nisa għandna nżommu lura milli nikkritikaw u niġġudikaw lil xulxin: "Huwa l-mument li għandna nħarsu lejn xulxin, inqumu mit-tajn li konna fih u niċċelebraw l-awtentiċità tagħna b'kwalunke forma." Gabrielle temmen li għandna nkunu liberi u mmorru wara dak li rridu f'ħajjitna mingħajr ma nċaħħdu lil ħaddieħor jagħmel l-istess. Iżżid tgħid: "Minflok nimbuttaw lil xulxin bl-għażliet ta' stil ta' ħajja, għandna nifhmu u nfaħħru lil xulxin, u nispiraw nisa oħra."

Tispjega kif il-kampanja hija indirizzata kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel ta' kull età u kif l-iskop ewlieni tagħha hija li tagħti s-saħħa lin-nisa biex jiġġieldu għall-valur tagħhom, għad-drittijiet ugwali u biex jirrispettaw lil xulxin u d-differenzi ta' bejniethom, biex jagħtu vuċi lin-nisa u jkunu ġentili u jifhmu lil xulxin għaliex qatt ma tkun taf dak li persuna tkun qed tgħaddi minnu."

Isostni wkoll li "rridu nuru lill-irġiel li għandna niġu ttrattati bl-istess rispett li jirċievu huma u biex niġu garantiti l-istess drittijiet li jgawdu minnhom huma."

Il-viżjoni ta' Orenda kienet waħda sempliċi u fil-fatt Gabrielle tistqarr: "Għażilna li ngħollu l-iskop artistiku tal-make-up billi biddilna l-kampanja f'vuċi ta' saħħa li kull mara tista' tirrelata magħha." Gabrielle tispjegalna li kif wara li ddiskutiet din il-viżjoni mad-direttur Steven Levi Vella, flimkien komplew jibnu dan il-kunċett u ngħaqqad tim magħmul minn Malcolm Debono, id-direttur tal-fotografija, Luke Azzopardi li kien responsabbli mill-ilbies u Elena Cassar li ħadet ħsieb ix-xagħar. 


In-nisa li jidhru fil-filmat jirrappreżentaw faxxa kbira tas-soċjetà - minn fotografu sa preżentattriċi tar-radju. Gabrielle titkellem dwar l-għażla tan-nisa:

"Rajt li jkolli nisa minn oqsma differenti tas-soċjetà, minn nies influwenti sa nisa tad-dar għax nemmen li kulħadd għandu triq li jrid isegwi. Minkejja li ħajjitna tvarja minn xulxin għandna ħaġa komuni: l-abbiltà li nsaħħu lil xulxin u nagħtu tama, saħħa u fidi lil xulxin."

Tispjega li ma qagħditx tikteb skript lin-nisa imma minflok talbithom jippreżentawlha dak li kienu se jgħidu fil-ġurnata li nġibed il-filmat: "Kont impressjonata bil-qawwa u bl-għażla sabiħa ta' kliem mimli għerf, kuraġġ, b'taħlita ta' vulnerabbiltà, kunfidenza u sigurtà." Iżżid tgħid li "l-iktar ħaġa li għamlet din il-kampanja indimentikabbli hija l-enerġija ta' dawn in-nisa kollha. Daħlu hemm mingħajr ma kienu jafu lil xulxin u ħarġu minn hemm bħala ħbieb, u dan kien l-ikbar sodisfazzjon.

No comments:

Post a Comment