top bar

Friday, 23 June 2017

Sena qabel it-tieġ iddeċidew li jżarmaw mix-xogħol u jmorru jduru d-dinja

Ritratt: FBalzan Photography



















IlIl-weekend li għadda żżewġet il-koppja li probabilment hija l-aktar koppja avventuruża li qatt iltqajna magħha. Luke u Romy żżewġu fis-17 ta' Ġunju, u sena ilu ddeċidew li qabel jiżżewġu jridu jduru d-dinja. U balleċ hekk għamlu. Żarmaw it-tnejn li huma mix-xogħol u telqu jduru d-dinja. U issa ġew lura u żżewġu!
Romy kienet għalliema u Luke huwa inġinier u kellu kumpanija żgħira li kienet sejra tajjeb. Imma żarmaw minn kollox u telqu bla ma jafu fejn se joħodhom id-destin.

"Konna sejrin tajjeb fix-xogħol imma fil-ħajja ma konniex sejrin tajjeb. Kellna ħajja boring," qalilna Luke. "U għalhekk iddeċidejna li mmorru nduru d-dinja ħalli ngawdu kemm nistgħu u nidraw lil xulxin qabel nidħlu għall-commitment taż-żwieġ."

Fost ħafna pajjiżi marru l-Marokk, il-Montenegro, in-Nepal, il-Vjetnam, Laos, il-Kolumbja u l-Indja, u kull fejn marru ddokumentaw l-avventuri tagħhom fuq channel fuq Youtube li jismu Tag Along Travellers.


Huwa vera li normalment il-koppji jmorru l-honeymoon wara t-tieġ, u mhux qabel, imma skont Romy "il-fatt li qed noqogħdu flimkien qed jippreparana ħafna aktar għall-ħajja miżżewġa. Qed nidraw aktar lil xulxin u qed nittestjaw il-karattri tagħna, għax qed immorru ġo pajjiżi ta' faqar u kundizzjonijiet estremi."

"Iltqajt ma' Luke permezz Dana, li hija l-akbar ħabiba tagħna, u għalhekk ma setax jonqos li hija kienet waħda mix-xhieda tagħna fiċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ," qaltilna Romy.

Luke ipproponielha b'mod avventuruż ukoll...waqt li qed jagħmlu zip lining. Tista' tara l-proponiment f'dan il-filmat:



L-avventuri ta' Luke u Romy ġieli kienu riskjużi, għaliex kienu jmorru f'postijiet fejn hemm ħafna faqar u fejn tista' faċilment tiġik ħażina. Ma tantx ħadu ħwejjeġ magħhom (biex ma jtaqqluhomx matul il-vjaġġ), u fejn kien isib insetti u annimali eżotiċi li jidhru tajbin, Luke ma kien jiddejjaq xejn ibill subgħajh u jduqhom!



Lura f'Ottubru li għadda, meta l-avventura ta' Luke u Romy kienet għadha qed tibda, lil din il-koppja konna stedinnihom f'Xarabank. U kienu ġew u spjegaw x'beħsiebhom jagħmlu qabel jiżżewġu u fost l-oħrajn, Mark kien sfida lil Luke biex jiekol insett LIVE fuq it-televixin. M'għandniex xi ngħidu...Luke laqa' l-isfida u Mark u Luke spiċċaw jieklu l-insetti LIVE fuq il-programm. Tista' tara x'kien ġara dakinhar hawn taħt:


"Din l-avventura għamilnieha biex neżaminaw ir-relazzjoni tagħna u biex naraw jekk hux se ssalva 24/7 għal disa' xhur sħaħ" tgħid Romy. Iżżid tgħid li t-tnejn li huma esperjenzaw tlugħ u nżul u l-avventura għenithom isiru jafu iktar lil xulxin, jitgħallmu jikkomunikaw bejniethom u anke joħolqu kompromess ma' xulxin.

FBalzan Photography
Anke it-tieġ tagħhom tawh kulur differenti: "Il-libsa tat-tieġ għamiltha l-Indja u din ivvjaġġat miegħi għal tliet xhur fi tliet pajjiżi differenti u kelli wkoll head piece li kienet magħmula minn aċċessorji li xtrajt mill-Vjetnam, mill-Filippini u mill-Indja," spejgatilna Romy.

Barra minn hekk it-tieġ sar fuq bajja u allura kulħadd kien ħafi. "Kulħadd kien kuntent u rilassat biex igawdi t-tieġ," qaltilna Romy.

Kif wieħed jista' jimmaġina, it-tieġ kien marbut kollu mas-safar, tant li l-kejk kellu forom ta' ħafna bagalji. U mill-Knisja sat-tieġ kien vjaġġ maġiku, tant li kellhom minn Wolkswagen Beetle sa cabin cruiser mogħla 42 pied u saħanistra daħlu b'jet ski!

FBalzan Photography
Però Romy u Luke ma kinux l-uniċi tnejn avventurużi. "Il-mistednin infushom ħassew li setgħu jkunu avventurużi fir-rigali li jagħtuna," qalulna.

Fost l-oħrajn kien hemm ħabib tagħhom li tahom rigal ta' flus...imma mhux ġo envelop bħalma s-soltu nagħtu l-flus fit-tiġijiet.

"Il-flus tahomlna kollha muniti żgħar ġo xkora ramel, u biex nieħdu r-rigal tiegħu għadna rridu nbattlu l-ixkora u noqogħdu nfittxu l-muniti waħda waħda minn ġor-ramel!" qalulna Luke u Romy bid-daħka.


Tista' taqra aktar dwar l-avventuri ta' Romy u Luke hawnhekk.

No comments:

Post a Comment