sponsors

Friday, 30 June 2017

"Ninsab kuntenta li llejla se nara lil ħija jsir saċerdot" - Amy Camilleri Zahra


Illum huwa jum mistenni ħafna għal Amy Camilleri Zahra għaliex illejla se tara lil ħuha Aaron jiġi ordnat saċerdot mill-Arċisqof ta' Malta Charles J Scicluna.

Aaron ilu jistenna dan il-jum tmien snin u issa li wasal xorta ma jistax jemmen li proprju wasal: "Però llejla waqt li jibda l-ewwel innu tal-ordinazzjoni naħseb se nirrealizza li l-ordinazzjoni waslet."

Qabel ma beda l-mixja tiegħu fl-Ordni Dumnikan, Aaron kien għarus: "Ta' 15-il sena kont għarus u għamilt erba' snin imma wara li r-relazzjoni spiċċat kont għamilt żmien ngħix iż-żgħożija bħal kull żagħzugħ ieħor." Jirrakkontalna x'kien qallu missieru meta Aaron stqarr miegħu li dieħel Patri Dumnikan: "Alla jaħfirlu, missieri kien qalli li l-patrijiet ma jidħlux fl-erbgħa ta' filgħodu minn Paceville." Jispjega kif anke sħabu kienu xxukkjati wkoll b'din l-aħbar iżda jżid jgħid li llum jinsabu iktar eċitati minnu għal din iċ-ċelebrazzjoni.

Jirrakkonta kif Ġesù ressaqlu din is-sejħa li jidħol patri u kif hu wieġeb għaliha: "Meta kont żgħir dejjem kont nilgħab bl-artal, attaparsi nqaddes imma meta dħalt f'relazzjoni din taret mal-ħin. Imbagħad fl-2009, f'Jannar, qabel ma missieri u oħti Amy għamlu t-trapjant tal-kilwa, kont mort is-Santwarju ta' Pompej fl-Italja u waqt li kont qed nitlob ir-rużarju ħassejt xi ħaġa ġo fija tgħidli jekk qattx ħsibt fuq il-ħajja saċerdotali. Dak il-ħin ħarist lejn ix-xbieha tal-Madonna ta' Pompej u lejn San Duminku, li minn dejjem kelli devozzjoni lejh. Meta ġejt lura bdejt nipprova naħrabha din is-sejħa għax kelli x-xogħol, il-karozza u l-paga li kienu tiegħi, però Ġesù xorta baqa' jħabbat. Wara għamilt kuntatt mad-Dumnikani li laqgħuni b'idejhom miftuħa għax wara seba' snin ma kienx hemm vokazzjonijiet, ġejt jien."



Aħna tkellimna wkoll ma' Amy li tistqarr magħna kif din hija ġurnata ta' ferħ u ta' eċitament għall-familja kollha: "Kuntenta ħafna għalih għaliex ilu jaħdem ħafna għal din il-ġurnata, kemm permezz tal-istudju, kemm bħala xogħol pastorali u kemm b'sagrifiċċji oħra li fil-ħajja tal-lum żgur huma kemxejn diffiċli." Però żżid tgħid li llum huwa jum wkoll ta' dieqa: "Illum il-papà mhux se jkun magħna biex igawdi l-frott li żera' f'Aaron. Il-papà  kien ferħan ħafna għal Aaron li beda din il-mixja miegħu u magħna imma ċerta li qiegħed jara lil Aaron b'ferħ kbir."

Tirrakkontalna kif hija kienet l-ewwel persuna li saret taf li Aaron dieħel patri: "Kont fil-kamra tiegħi u ġie jkellimni bil-mod. Dak il-ħin kont ferħana għalih imma kont ukoll xi ftit inkwetata wkoll għaliex kellu xogħol tajjeb, kellu futur quddiemu, kien hemm żmien meta kien għarus u kien hemm żmien meta kien jiddeverti ħafna. Bla ma ridt bdejt nistaqsih jekk żgur din hijiex id-deċiżjoni li verament jixtieq jieħu għax kienet waħda difficli." Iżda Aaron kien sostna li din hija t-triq li għażel għalih il-Mulej u rrisponda għas-sejħa tiegħu, u wara qasam din l-aħbar ma' ommu u missieru: "Imbagħad għedna lil ommi u lil missieri li laqgħu din l-aħbar b'ferħ kbir."

Amy tixtieq twassal messaġġ għal ħuha f'din l-okkażjoni: "Inħobbuk ħafna u kburin b'kull pass li għamilt fil-ħajja tiegħek." Ittemm tgħid: "Jalla l-Mulej li għażlu għal din it-triq ikompli jkun miegħu fil-ħidma tiegħu."

1 comment:

  1. Nixtieqlek kull success fil-hajja sacerdotali.Il-bambin jkun mieghek f`din il-mixja

    ReplyDelete