sponsors

Wednesday, 28 June 2017

Meta n-nannu qala' 10 daqqiet ta' sikkina f'għadira demm


Deanna Camilleri hija parteċipanta oħra li daħlet għall-isfida li Xarabank għamel f'kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport. Matul l-isfida, kull parteċipant tana ċ-ċavetta tal-karozza u għal ġimgħa sħiħa l-parteċipanti kollha kellhom jużaw il-karozza tal-linja kull fejn imorru. Waqt Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa li ġej, xi ħadd minn dawn il-parteċipanti se jiġi dikjarat rebbieħ ta' din l-isfida, u r-rebbieħ se jieħu miegħu €3,000.


Deanna tirrakkontalna esperjenza li ħalliet impatt fuq ħajjitha: "Kont għadni żgħira meta ġrat din l-istorja. Fit-triq kien hemm raġel mimli rabja jinsisti li ried jara lit-tarbija li kellu u li s-sieħba ma kinitx ħallietu jaraha. Mimli rabja u emozzjoni dan ir-raġel beda jiġri b’sikkina f’idejh u jħabbat il-bibien forsi xi ħadd jiftaħlu ħa jitla' fuq xi bejt u jaqbeż il-bjut biex jinżel għas-sieħba u jara t-tarbija. Ġara li n-nannu tiegħi, li kien joqgħod fit-triq tagħna, beda tiela' t-taraġ u jiltaqa' ma' dan ir-raġel bis-sikkina f'idu fuq il-bejt. Kien jafu għax kienu ġirien imma dak il-ħin dan ir-raġel ta 10 daqqiet ta’ sikkina lin-nannu tiegħi. Mhux hekk biss iżda refa' lin-nannu mimli demm, poġġieh ġot-tarf taċ-ċint u beda jhedded li jekk mhux se jħalluh jara lit-tarbija kien se jitfa' lin-nannu għal isfel tliet sulari. F’dan il-mument drammatiku pulizija minn isfel spara u laqat lir-raġel li miet fuq il-post. Fortunatament in-nannu minn fuq iċ-ċint waqa' 'l gewwa u ma waqax għal isfel. Illum in-nannu għandu 87 sena u Alla jbierku, iżda dawk ix-xeni li rajt ma nista' ninsiehom qatt. Kienet trawma fi tfuliti. Nixtieq nagħmilha ċara li jien m'għandi xejn kontra din il-familja għax nemmen li din setgħet tiġri lil kulħadd u jiena ma kontx fiż-żarbun ta' din il-familja."

Ritratt: Deanna man-nannu

Xarabank tkellem ma' Deanna waqt li kienet qed tagħmel din l-isfida u qaltilna li affettwatha b'mod tajjeb din l-esperjenza għaliex saret iktar kalma. Dan għaliex iffrankat li toqgħod tinkwieta fuq it-traffiku, jew mil-liema toroq se tgħaddi, u ffrankat il-problema tal-parkeġġ.
  
"Għall-bidu ħsibt li se tkun iktar diffiċli imma wara t-tieni ġurnata ħassejtni aħjar. Affettwatni wkoll biex inkun iktar kalma minħabba li kont qed nipprepara l-affarijiet minn qabel," qaltilna Deanna.


Minkejja li tal-linja sabitha tajba, ammettiet li kellha mumenti diffiċli wkoll, għax kellha tippjana l-ġurnata minn ħafna qabel, u ma kellhiex il-lussu li taqbad u titlaq bil-karozza. Fil-fatt f'dik il-ġimgħa, Deanna qamet kmieni kuljum biex tħejji għall-ġurnata, bil-konsegwenza li kienet qed tkun iktar għajjiena: "Minħabba li kien qed ikolli ħafna affarijiet wara xulxin, kont qed inkun iktar għajjiena iżda fl-istess ħin nerġa' ngħid li din l-esperjenza kkalmatni."




Qaltilna wkoll li waqt li kienet qed tagħmel l-isfida, kienet qed tieħu l-affarijiet iktar bil-mod, billi timxiha sal-istage, taqbad tal-linja bil-kwiet, fuq tal-linja setgħet taqra u tuża l-mowajl "u jekk nasal ftit kmieni fejn ikolli mmur, ġieli anke kont immur mixja."

"L-iktar ħaġa stramba li ġratli hija li rnexxieli nqatta' aktar ħin ma' ommi. Għax is-soltu, malli nasal id-dar mix-xogħol, kont noqgħod nilgħab bil-mowbajl. Imma issa, qed nidħol Facebook meta nkun fuq tal-linja on the way mix-xogħol għad-dar u hekk, meta nasal id-dar inkun nista' nwarrab il-mowbajl mal-ġenb u nqatta' aktar ħin ma' ommi," qaltilna Deanna. "Kienet xi ħaġa li qatt ma mmaġinajt li tista' tiġri."


Din l-esperjenza tant affettwatha b'mod tajjeb li tgħidilna li qed tikkunsidra li fil-ġimgħat li ġejjin tibqa' tuża l-karozza tal-linja għax-xogħol, però żżid tgħid wkoll li meta jkollha xi affarijiet li jaħbtu eżatt wara x-xogħol se tuża l-karozza tagħha.



Nhar il-Ġimgħa f'Xarabank se nurukom l-avventuri li għaddiet minnhom Deanna matul dik il-ġimgħa li għamlet l-isfida. U jekk tixtieq li Deanna tirbaħ din l-isfida tista' tivvutalha billi ċċempel fuq 52202054 minn linja fissa jew mill-mowbajl. Il-linji huma miftuħin diġà!  Kull telefonata tiswa €0.75c. Importanti li wieħed qabel jieħu permess mingħand is-sid tat-telefown.

No comments:

Post a Comment