Tuesday, 27 June 2017

Malli ġabet il-liċenzja tal-karozza ma reġgħetx qabdet tal-linja...sakemm daħlet għal din l-isfida


Vanessa Calleja hija partiċipanta oħra li daħlet għall-isfida li Xarabank għamel f'kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport. Matul l-isfida, kull parteċipant tana ċ-ċavetta tal-karozza u għal ġimgħa sħiħa l-parteċipanti kollha kellhom jużaw il-karozza tal-linja kull fejn imorru. Waqt Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa li ġej, xi ħadd minn dawn il-parteċipanti se jiġi dikjarat rebbieħ ta' din l-isfida, u r-rebbieħ se jieħu miegħu €3,000.
"Malli ġibt il-liċenzja tal-karozza ma erġajtx tlajt fuq karozza tal-linja oħra," qaltilna Vanessa bi tbissima hi u tiġri biex tilħaq il-karozza tal-linja. "U issa li dħalt għal din l-isfida ħassejtni stramba u sibtha diffiċli biex inwarrab il-karozza għal kollox."

Vanessa tiġri ħafna minn post għall-ieħor, u allura, matul l-isfida kellha taqbad ħafna karozzi tal-linja. "Meta jkollok ħafna qadjiet f'postijiet differenti trid tippjana ħafna," qaltilna. "Bil-karozza tiegħek kemm taqbad u tmur fejn trid u fi xħin trid, imma bil-karozza tal-linja trid tippjana l-vjaġġ kollu minn lejliet!"


Imma l-aktar ħaġa diffiċli għal Vanessa kienet li kuljum tqum kmieni aktar mis-soltu biex taqbad tal-linja għax-xogħol.

"Dik kienet il-qatla tiegħi," qaltilna. "Għax iddeċidejt li naqbad tal-linja kmieni ħafna biex immur għax-xogħol, għax fir-rush hour tkun dejjem mimlija u teħel ħafna iżjed fit-traffiku."

Madanakollu Vanessa ammettiet magħna li din l-isfida kienet ta' avventura għaliha u beħsiebha tibqa' tuża' tal-linja aktar spiss, anke wara li tgħaddi l-isfida.


Mill-banda l-oħra qalet li l-ħin fuq ix-xarabank użatu biex taqra, biex tidħol Facebook, titkellem fuq il-mobile u bħat-turisti, tosserva l-ġmiel ta' Malta. 

Matul l-isfida, Vanessa marret kullimkien b'tal-linja, fosthom għax-xogħol, biex tara l-qraba, tiltaqa' ma' sħabha u tagħmel il-qadi ta' matul il-ġimgħa.

Vanessa għandha talent partikolari ħafna. Kapaċi tirrestawra l-għamara, u qaltilna wkoll li dalwaqt se tmur tgħix f'dar ġdida u tixtieq tgħaddi d-dawl u l-ilma hi.

Xi għamara li rrestawrat Vanessa
Nhar il-Ġimgħa f'Xarabank se nurukom l-avventuri li għaddiet minnhom Vanessa matul dik il-ġimgħa li għamlet l-isfida. U jekk tixtieq li Vanessa tirbaħ din l-isfida tista' tivvutalha billi ċċempel fuq 52202053 minn linja fissa jew mill-mowbajl. Il-linji huma miftuħin diġà!  Kull telefonata tiswa €0.75c. Importanti li wieħed qabel jieħu permess tas-sid tat-telefown.

No comments:

Post a Comment