sponsors

Friday, 9 June 2017

"Lil Chris se nibqgħu niftakruh għad-daħka tiegħu" - ħabiba tal-vittma tal-inċident tal-bieraħ

Ritratt: Christopher Paul Abela

"Christopher ħa jibqa' mfakkar għad-daħka tiegħu, il-pożittività tiegħu u ta' kemm kien lest li jgħin lil ħaddieħor."

Dan huwa l-kliem ta' Fleur Abela, studenta Universitarja li kienet taf lil Christopher Paul Abela, ir-raġel ta' 28 sena li lbieraħ tilef ħajtu wara li baqa' dieħel taħt trakk bil-mutur li kien qed isuq fil-Bypass tal-Imrieħel.


Ritratt: Fleur Abela
Fleur kienet tafu fl-ewwel sena tal-kors tal-liġi fl-Università u kunjomhom kien mezz li bena l-ħbiberija ta' bejniethom: "Minħabba li għandna l-istess kunjom kienet iktar faċli taqbad parlata miegħu." Iżżid tgħid li filwaqt li kien bniedem ferrieħi u ta' qalb tajba, mill-ewwel rat persuna ġenwina fih.

Fleur tkompli tiddeskrivi lil Christopher bħala bniedem qalbieni u perseveranti, imma fuq kollox fih kienet tiddomina l-imħabba: "Bniedem li fuq kollox kien iħobb lil ta' madwaru u lil martu."

Ritratt: Christopher flimkien ma' martu Jessica

Fleur iġġedded il-memorji tagħha għal dak il-mument li fih kienu jawguraw lil xulxin qabel l-eżami: "Qatt ma ninsa l-ewwel sentenza li konna ngħidu lil xulxin spiss qabel nibdew eżami: Goodluck ħabib u ejja ħa naslu."

Fleur tispjega li saret taf bl-aħbar mill-midja, speċjalment mir-ritratt tiegħu, u tistqarr li ma kienx hemm bżonn li tiftaħ l-artiklu. Tesprimi dak li ħasset dak il-ħin meta rat l-aħbar: "Dak il-ħin ħassejt xokk bħal ħafna minn dawk li kienu jafuh, u x-xokk kien akbar meta tqis li kien ibigħ is-saħħa."

Ittemm billi tindirizza messaġġ lil Christopher stess: "Chris, grazzi ta' kollox u talli sena ilu għamiltli kuraġġ meta kont inċerta minn ħafna affarijiet. Kont dejjem pożittiv u kont bniedem mill-aqwa. Strieħ fis-sliem Dott."

No comments:

Post a Comment