top bar

Tuesday, 27 June 2017

"Kont qed nagħmel 20 minuta nfittex parking, imma solvejtha"


Victor Ellul huwa partiċipant ieħor li daħal għall-isfida li Xarabank għamel f'kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport. Matul l-isfida, kull parteċipant tana ċ-ċavetta tal-karozza u għal ġimgħa sħiħa l-parteċipanti kollha kellhom jużaw il-karozza tal-linja kull fejn imorru. Waqt Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa li ġej, xi ħadd minn dawn il-parteċipanti se jiġi dikjarat rebbieħ ta' din l-isfida, u r-rebbieħ se jieħu miegħu €3,000.
Victor kien ilu ħafna ma juża l-karozza tal-linja, għax kif ammetta hu stess, il-karozza privata komda.

"Wara jumejn ma nsuqx il-karozza tiegħi ħassejtni li ilni żmien mingħajr il-karozza u dak il-ħin ġejt konxju ta' kemm jien dipendenti fuq il-karozza," spjegalna Victor waqt li qed jagħmel l-isfida. "Imma għamilt skeda ta' dak li kelli x'nagħmel, pjanajt ir-rotot u l-ħinijiet, u minn hawn u minn hemm qed jirnexxili."

Victor huwa daqsxejn differenti mill-parteċipanti l-oħra għaliex twieled b'diżabilità. Hija diżabilità viżibbli li minħabba fiha twieled b'idejh iqsar mid-daqs normali. Hija diżabilità li ma tarax bħalha kuljum, imma lil Victor qatt ma affettwatu milli jagħmel xejn. Għall-kuntrarju, jagħmel kollox bħal kulħadd, inkluż isuq il-karozza.




Fil-jiem li qattajna nduru miegħu waqt din l-isfida spjegalna li d-diżabilità tiegħu ġrat minħabba li fiż-żmien li ommu kienet tqila bih, l-ommijiet kienu jieħdu pillola li ma kinux jafu li qed tagħmel il-ħsara lit-trabi fil-ġuf tagħhom.

"Minħabba f'din il-pillola kien hemm ħafna trabi li twieldu bl-istess diżabilità fl-istess żmien li twelidt jien," spjegalna Victor.

Irrakkontalna wkoll il-bullying li kien jgħaddi minnu bħala tifel fl-iskola. "L-iskola kienu jaħbuni u jpoġġuni fi klassi waħdi," qalilna. "Kienu jgħiduli biex ma ngħidx lil ommi u missieri, imma missieri kien sar jaf xorta waħda u rrabja ħafna."

Minkejja l-ħafna sfidi li ltaqa' magħhom f'dik il-ġimgħa tal-isfida, Victor irnexxielu jmur kullimkien b'tal-linja.

"Jien naħdem il-Belt, u l-akbar vantaġġ li mmur għax-xogħol b'tal-linja kien li ma kellix għalfejn infittex parking," spjegalna. "Is-soltu ndum għoxrin minuta nfittex biex nipparkja."

L-aktar vjaġġi komuni ta' Victor kienu mill-Kalkara għall-Belt u lura, u kien hemm darba meta kellu jmur ta' Qali, darba oħra meta kellu jmur il-Marsa u Raħal Ġdid, fost l-oħrajn.

Nhar il-Ġimgħa f'Xarabank se nurukom l-avventuri li għadda minnhom Victor matul dik il-ġimgħa li għamel l-isfida. U jekk tixtieq li Victor jirbaħ din l-isfida tista' tivvutalu billi ċċempel fuq 52202057 minn linja fissa jew mill-mowbajl. Il-linji huma miftuħin diġà!  Kull telefonata tiswa €0.75c. Importanti li wieħed qabel jieħu permess tas-sid tat-telefown.

No comments:

Post a Comment