top bar

Monday, 26 June 2017

Kellu negozju u kien sportiv u kellu jieqaf minn kollox minħabba din il-marda...


L-istorja ta' Andrew, għal ħafna nies hija ħolma kerha li jitolbu lil Alla li tibqa' biss ħolma. Sfortunatament, għal dan ir-raġel ta' 48 sena, din mhix ħolma, imma hija r-realtà li jrid jgħix kuljum. Imma hija realtà li qed jgħixha b'pożittività u determinazzjoni, għax irid li mis-sitwazzjoni tiegħu tinħoloq kuxjenza fost il-Maltin.
Andrew għandu l-multiple sclerosis. Din il-kundizzjoni ma twelidx biha, imma ħakmitu 5 snin ilu, u meta ħakmitu, minn sportiv u businessman b'negozju li kien qed jagħmel suċċess, spiċċa bilqiegħda għal għomru fuq dan l-isccoter.

Fi kliem sempliċi ħafna, il-multiple sclerosis hija kundizzjoni li ġejja mill-familja tal-kundizzjoni tal-ALS, li għandu Bjorn. Din il-kundizzjoni hija kronika u toqtollok is-saħħa tal-muskoli f'partijiet minn ġismek. Lil Andrew affettwatu f'siequ x-xellugija. Siequ x-xellugija hija kompletament bla saħħa, jiġifieri biex jerfagħha, irid jerfagħha b'idejh, kif jidher f'dan il-filmat:


"Bdejt inzappap u għall-ewwel ħsibt li maż-żmien se tgħaddili, imma mbagħad, wara r-riżultati li ħarġu mill-MRI, in-newrologu qalli li għandi għomri kollu hekk," jispjega Andrew. "Għall-bidu ma emmintx li għandi multiple sclerosis imma mbagħad bdiet tmur għall-agħar. Bdejt inzappap iktar u bdejt inħoss li sieqi mhux tiffunzjona tajjeb biex intellagħha u bil-mod il-mod bdiet tmut."


Andrew jgħix b'din il-marda 24 siegħa kuljum u jistqarr magħna d-diffikultajiet li jgħaddi minnhom. "Tħoss skumdità kbira għaliex tħoss in-nervituri jinġibdu minn fuq għal isfel ta' ġismek. Hija difficli għaliex anke matul il-lejl, nibda nħoss l-uġigħ u nispiċċa ma norqodx tajjeb."

Però d-diffikultajiet imorru lil hinn minn hekk għaliex il-multiple sclerosis temmitlu l-karriera tiegħu fin-negozju u l-ħajja sportiva tiegħu: "Minħabba li tlift l-enerġija tiegħi minn sieq waħda, kelli nieqaf. Allura kelli nirtira minn ħafna affarijiet. Fejn qabel kont sportiv, kont niġġoggja, insuq ir-rota, nilgħab il-waterpolo u nilgħab il-futbol, kelli nwaqqaf kollox."

Din il-kundizzjoni affettwatlu wkoll il-ħajja soċjali tiegħu: "M'għadnix noħroġ filgħaxijiet...mhux se noħroġ fl-għaxra ta' billejl fuq scooter."

Andrew jgħix u jagħmel kollox waħdu, u jispjegalna kif il-ħajja indipendenti tiegħu mhijiex waħda faċli. "Ġieli l-bankini ma ssibhomx illivellati kif suppost u r-rampi mhux dejjem ikunu proporzjonati, tant li kważi jegħlbuk."

Però jistqarr ukoll li jsib min jagħtih daqqa t'id meta jipprova jidħol f'post b'tarġa jew tnejn, billi jtellgħulu l-iscooter u jgħinuh iħossu milqugħ fil-post.


Minħabba l-kundizzjoni li għandu, Andrew jirċievi l-għajnuna mingħand helper apposta, però dan mhuwiex biżżejjed għalih. "Apparti li finanzjarament il-benefiċċji li hemm huma ftit u jistgħu jkunu aħjar, li tiġi helper għal 4 sigħat fil-ġimgħa mhux biżżejjed." Jispjega kif jixtieq li jkun hemm ukoll fiżjoterapista tal-muskoli personali għal kull min ibati minn din il-kundizzjoni, u kif jixtieq li jkun hemm klinika apposta.

Itemm billi jistqarr li f'din il-marda m'hemmx pass 'il quddiem iżda hemm mediċina li tista' ttaffi l-uġigħ: "Trid taċċetta tgħix biha għaliex fejqan għaliha m'hemmx, però hemm il-medical marjuana li joħduha f'24 pajjiż fid-dinja u nixtieq li l-Gvern ta' Malta jillegalizzaha biex nies bħali jkunu jistgħu joħduha."

Filmat: Xandru Azzopardi
Muntaġġ: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment