sponsors

Saturday, 24 June 2017

Jinġabru €355,353 f'Xarabank għad-Dar tal-Providenza



F'Xarabank reġgħet spikkat il-qalb ġeneruża tal-poplu Malti u Għawdxi, li bi ħġaru rrisponda għas-sejħa tagħna u ġabar is-somma sabiħa ta' €355,353 b'risq id-Dar tal-Providenza.
Matul il-programm iddominaw il-filmati li fakkruna f'min qed jiġi bżonn din id-dar li tagħti kenn lill-persuni b'diżabbiltà. Però ma setax jonqos ukoll l-ispettaklu li taw diversi personalitajiet Maltin, fosthom il-Membri Parlamentari u l-atturi ta' diversi drammi Maltin.

Fl-istess programm is-sena l-oħra konna ġbarna €260,005, jiġifieri s-somma ta' din is-sena taqbeż lil tas-sena l-oħra b'€95,348. Il-programm beda ftit qabel id-9pm u spiċċa f'12:20am, u t-telefonati baqgħu deħlin sa anke wara li spiċċa l-programm.

Fil-programm, il-familji, in-negozji, il-ħwienet, il-każini, il-kumpaniji, l-għaqdiet u nies oħra setgħu jagħtu pleġġ ta' 'l fuq minn €300 biex jgħinu lir-residenti fil-bżonnijiet tagħhom.

Għaldaqstant, nhar il-Ġimgħa li ġej se tibda l-maratona ta' 53 siegħa logħob ta' volleyball, li bħal kull sena qed tittella' b'risq id-Dar tal-Providenza, u din tibqa' sejra sat-2 ta' Lulju.

B'kollox fi tliet programmi ta' ġbir li għamilna din is-sena - għal Puttinu Cares, għall-ALS Malta u għad-Dar tal-Providenza - inġabret is-somma totali ta' €2,575,988.

Minn qalbna, nirringrazzjawkom talli tajtu d-donazzjonijiet tagħkom f'Xarabank tal-lejla. Grazzi talli kontu protagonisti f'din il-kawża ġusta!

No comments:

Post a Comment