Wednesday, 14 June 2017

“Jidher li l-faċċata ġiet miksija b’xi plastik u injam u dan mexxa n-nar b’ħeffa kbira”


Kmieni dalgħodu l-midja internazzjonali kienet iddominata mill-aħbar ta’ Grenfell Tower ta' Londra li nbela’ minn nirien qawwija u ħasad il-ħajja ta’ mill-inqas tnax-il persuna.

Aħna tkellimna mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u staqsejniehom kif jiġi kkawżat nar bħal dan, għalfejn jinfirex daqsekk malajr, u jekk il-bini kienx f'periklu li jikkollassa b'kollox.


Xarabank tkellem dwar dan il-każ mad-Deputat Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro. Peter Paul jispjega magħna kif in-nar kapaċi jinfirex minn sular għal ieħor. 

“In-nar jgħaddi minn sular għal ieħor minn passaġġi, mit-taraġ u minn toqob jew xquq u dan billi s-sħana dejjem titla’ ’l fuq.” Peter Paul jispjegalna wkoll li minkejja li l-każ għadu daqsxejn prematur biex wieħed jikkummenta, jidher li l-materjal tal-bini kkawża n-nar biex jinfirex. 

“Mill-filmati u mill-kummenti fil-midja Ingliża, jidher li l-faċċata ġiet miksija b’xi plastik u injam u dan wassal biex in-nar jiġri b'aktar ħeffa u jinfirex mal-blokka kollha f'ħin qasir."

Meta mistoqsi dwar x’inhuma l-affarijiet li jqabbdu n-nar u x’inhuma dawk l-affarijiet li jinqerdu faċilment, Peter Paul jispjegalna li dan jiddependi mill-materjal imsemmi iktar qabel u kif dan il- materjal jiġi mmanifatturat. Iktar kmieni fil-midja internazzjonali ġie rrapportat ukoll kif kien hemm ċans kbir li l-blokka tiġġarraf b'kollox, u fil-fatt Peter Paul qalilna li din il-ħaġa setgħet tiġri, għaliex "meta jkollok nar ta’ dan it-tip, jista’ jaffettwa l-istruttura interna u b’hekk idgħajjef il-binja. Però dan jiddependi minn kemm l-istruttura interna ġiet esposta għat-temperaturi għoljin u għal kemm tul ta' ħin.”


Ritratt: Reuters
Il-ħidma min-naħa tal-membri tat-tifi tan-nar mistennija tkompli għaddejja sa minn tal-inqas 24 siegħa oħra. Peter Paul jispjegalna minn xiex jiddependi biex in-nar jintefa malajr: “Jiddependi mill-materjal innifsu, it-temp, il-firxa tan-nar, u minn kemm il-pumpiera jkolhom aċċess biex jistgħu jitfuh.” Xi ġurnalisti rrappurtaw li n-nar beda jaqbad meta splodiet friġġ f'wieħed mill-appartamenti tal-blokka.

Filwaqt li n-numru ta’ nies mejta mistenni jikber, sa issa iktar minn 70 persuna ngħataw il-kura meħtieġa u minn tal-inqas għoxrin persuna oħra jinsabu f’qagħda kritika.

Ftit tal-ħin ilu ġie rrappurtat ukoll li waqt il-ħruq kien hemm diversi ommijiet li litteralment bdew iwaddbu lit-tfal u lit-trabi tagħhom mit-twieqi għal isfel, bit-tama li jilqagħhom xi ħadd u jsalvahom. Xi ħadd li kien għaddej fit-triq irnexxielu jilqa' tarbija minnhom li kienet waddbitha ommha mill-10 sular.

Ritratt tal-faċċata: Afp/Getty Images

No comments:

Post a Comment