Tuesday, 27 June 2017

"Kont se nkun fuq El Faroud meta sploda" - Christopher Borg


Christopher Borg huwa partiċipant ieħor li daħal għall-isfida li Xarabank għamel f'kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport. Matul l-isfida, kull parteċipant tana ċ-ċavetta tal-karozza u għal ġimgħa sħiħa l-parteċipanti kollha kellhom jużaw il-karozza tal-linja kull fejn imorru. Waqt Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa li ġej, xi ħadd minn dawn il-parteċipanti se jiġi dikjarat rebbieħ ta' din l-isfida, u r-rebbieħ se jieħu miegħu €3,000.



Ma' Xarabank Christopher jgħid li l-karozza personali tiegħu hija iktar komda, però jgħid: "Is-servizz tal-karozza tal-linja huwa tajjeb ukoll għaliex ngħid għalija jiena ma sibtx problema biex nirkibha." Iżied jgħid: "Biex ngħidu kollox, ġieli ridt nistenna ftit."



Jispjega li għala ħass in-nuqqas tal-karozza tiegħu: "Immissjatha għax anke biex tmur minn post għall-ieħor mhux dejjem tkun daqshekk faċli. Jekk ikollok ċertu qadi trid toqgħod tfittex sakemm tidra naqra s-sistema." Christopher mar diversi postijiet bil-karozza tal-linja u rikibha ħafna drabi u jsostni: "Imbilli tkun mingħajr karozza, ir-rutina tal-ġimgħa xorta trid tagħmilha." Fost il-vantaġġi li jsemmi Christopher dwar il-karozza tal-linja huwa n-nuqqas ta' problema biex isib parkeġġ: "B'tal-linja qbadt inżilt fuq l-istage, imxejt ftit u m'għandek problemi ta' xejn."


Christopher jaqsam magħna wkoll esperjenza traġika li fiha kien se jispiċċa vittma: "Kont naħdem ix-shipbuilding u t-tarzna riedu mitt ħaddiem Kont wieħed minn dawk li tlajt bil-polza. Rieduni naħdem fuq vapur fil-għoli imma ma għoġbnix l-ambjent minħabba li nibża' ħafna mill-għoli. Tlabthom biex naħdem fuq vapur ieħor, fuq El Faroud li kien baxx. Kienu qaluli li ma stajtx noqgħod nagħżel u l-Ġimgħa waqaft u erġajt mort ix-shipbuilding. F'dak il-lejl seħħet l-isplużjoni fuq l-El Faroud li ħalliet 9 persuni mejta. Ix-xokk li tara ħaddiema bħalek, il-familji tagħhom, il-fatt li stajt kont jien, kien kbir wisq u nqisha bħala l-akbar trawma ta' ħajti." 
Ritratt: El Faroud
Nhar il-Ġimgħa f'Xarabank se nurukom l-avventuri li għadda minnhom Christopher matul dik il-ġimgħa li għamel l-isfida. U jekk tixtieq li Christopher jirbaħ din l-isfida tista' tivvutalu billi ċċempel fuq 52202051 minn linja fissa jew mill-mowbajl. Il-linji huma miftuħin diġà!  Kull telefonata tiswa €0.75c. Importanti li wieħed qabel jieħu permess tas-sid tat-telefown.

No comments:

Post a Comment