Friday, 2 June 2017

Il-Kor tal-Papa minn Ruma għal Għawdex


Sewwa qrajtu, il-Kor tal-Papa, Cappella Sistina, se jiġi jkanta f'pajjiżna.

Din is-sena jaħbat l-20 anniversarju tal-Victoria International Arts Festival, wieħed mill-festivals ewlenin ta' Malta u għaldaqstant, fis-7 ta' Ġunju ser jittella' kunċert mill-Kor tal-Cappella Sistina fil-Bażilika ta' San Ġorġ, Victoria, Għawdex. L-istedina għal dan il-kunċert importanti saret mill-Isqof tad-Djoċesi t'Għawdex, Mario Grech, li flimkien mal-organizzaturi tal-VIAF, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella u Dun George Frendo, qed jippreżentaw okazzjoni unika għall-poplu t'Għawdex u ta' Malta.

Dan il-kuncert uniku, li qed jittella' taħt id-direzzjoni ta' Mons. Massimo Palombella S.D.B., se jsir fil-Bazilika ta' San Gorg nhar l-Erbgħa 7 ta' Gunju fit-8.00pm taħt il-patroċinju distint tal-Isqof t'Għawdex Mario Grech. Wara dan il-kunċert, il-Kor se jagħmel kunċert fil-Konkatidral ta' San Ġwann fid-9 ta' Ġunju. Tajjeb li tkun taf li l-Victoria International Arts Festival jibda fis-6 ta' Ġunju u jispiċċa fl-10 ta' Lulju. Id-dħul għall-kunċerti tal-VIAF huwa dejjem b'xejn. Għal iktar informazzjoni żur: www.viaf.org.mt.

Ma' Xarabank, l-Isqof Mario Grech jistqarr: "Huwa pjaċir tiegħi li għal darb'oħra l-Papa permezz tas-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan, reġa' laqa' t-talba tagħna biex il-Kor tal-Cappella Sistina jiġi fostna u jieħu sehem fil-Victoria International Arts Festival, eżattament fil-Bażilika ta' San Ġorġ. Din ir-relazzjoni mill-qrib ma' dan il-kor mhux biss toffrilna l-okkażjoni li nisimgħu esekuzzjoni ta' livell għoli ta' kant, imma nibtet ukoll kollaborazzjoni professjonali mal-kor tal-parroċċa ta' San Ġorġ. Għalina dan huwa akkwist liturġiku u kulturali sinifikanti u nawgura li maż-żmien din ir-relazzjoni tissaħħaħ."


Aħna tkellimna wkoll ma' Dun George Frendo li jitkellem dwar il-festival innifsu: "Il-festival issa stabbilixxa ruħu fil-kalendarju nazzjonali u anke barra minn xtuna, u dan kien maħsub li jagħti dimensjoni kulturali ta' livell lill-festa patronali ta' San Ġorġ li ssir fil-Belt Victoria f'Lulju. Infatti l-kumpless madwar il-Bażilika huwa l-post tal-parti l-kbira tal-kunċerti. F'dawn l-aħħar edizzjonijiet il-festival infirex madwar il-Belt u anke fiċ-Ċittadella b'mod li nistgħu ngħidu li għal ħames ġimgħat sħaħ il-Belt issir iċ-ċentru kulturali tal-gżira. Għaldaqstant ħsiebna li niċċelebraw dan l-anniversarju sinifikattiv billi nkomplu nseddqu l-livell tal-kunċerti u nġibu lejn pajjiżna solisti, ensembles da camera u ensembles korali ta' presitiġju mondjali."




No comments:

Post a Comment