top bar

Monday, 26 June 2017

F'Marsaskala hemm dan il-pajp ħiereġ minn ġo gallarija għal fuq il-bankina


Din hija xena stramba li hemm f'Marsaskala bħalissa. F'din it-triq hemm pajp tal-plastik ħiereġ minn ġo gallarija sular ’il fuq mil-livell tat-triq. Il-pajp jibqa' nieżel għal fuq il-bankina, u jibqa' mdendel ftit pulzieri ’l fuq minn wiċċ il-bankina.


Residenti li joqogħdu f'dawn l-inħawi lmentaw magħna għaliex apparentament minn dan il-pajp qed joħoroġ drain li qed iġib miegħu ħafna nemus u dubbien.

"Ilbieraħ (il-Ħadd) id-drain beda joħroġ għal fuq il-bankina għax għalqu l-jerrycan li jintuża biex id-drain imur fih," qalilna wieħed mir-residenti. "Minħabba f'hekk il-bankina ġiet sewda bil-ħmieġ u mtlejna kollna nemus u dubbien, apparti li dan jista' jġib ukoll il-ġrieden."

Skont ir-residenti, id-drain ġej minn xi kċina u miegħu ġieli joħroġ xi sapun li jagħmilha aktar perikoluża għal min ikun qed jimxi fuq il-bankina, speċjalment xi tfal li jkunu għaddejjin mit-triq u li jistgħu faċilment jiżolqu.

Ir-resident qalilna li rrapporta s-sitwazzjoni lill-Kunsill Lokali u qalulu li din mhix biċċa xogħol ta' jdejhom. "Qaluli li din qiegħda f'idejn il-Qorti u ċemplitli mara min-naħa tas-Sanità ta' Ħaż-Żabbar, u tatni raġun u għenitni, imma s-sitwazzjoni għadha kif kienet," qalilna.

Ir-residenti qed jagħmlu appell lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jieħdu azzjoni dwar din is-sitwazzjoni.

No comments:

Post a Comment