sponsors

Friday, 23 June 2017

F'ħajtu ma tkellem qatt...imma darba qalilha "ma"



Kull min għandu t-tfal żgur li jiftakar xi tferfir kellu sakemm jgħidu l-ewwel kelma. U xi ommijiet u missirijiet jimpikaw bejniethom biex jaraw it-tfal tagħhom jekk hux se jgħidu 'ma' jew 'pa' l-ewwel. Din kienet ukoll ix-xewqa ta' Doris, omm Matthew...xewqa li damet snin twal ma nqatgħet. U meta nqatgħet, inqatgħet għal ftit biss.


Illum, Matthew għandu 29 sena u twieled bil-kundizzjoni tas-cerebral palsy. Hija kundizzjoni li taffettwa l-muskoli u tagħmilha diffiċli ħafna għall-persuna li tikkordina l-moviment ta' idejha u saqajha. Barra minn hekk, Matthew għandu wkoll l-awtiżmu.

Fil-programm tal-lejla, Matthew żgur li se jkun l-ispirazzjoni biex eluf ta' Maltin u Għawdxin jgħinu lid-Dar tal-Providenza. Dalgħodu Peppi kien qed jispjegalna kif waqt l-intervista li għamel lil Doris, din irrakkontatlu x'ħasset meta semgħet lil binha jgħajtilha 'ma' għall-ewwel darba. Kienu qegħdin Lourdes.

"Ħares lejja u qalli: 'ma'. Kieku taf x'ħassejt dak il-ħin. Kien jum ta' ċelebrazzjoni."

Wara li sema' din l-esperjenza, Peppi stqarr magħna xi ħsieb għaddielu minn moħħu dak il-ħin: "U jien ġieli nara lil ibni żejjed meta jibda jgħajjatli darba wara l-oħra. Kemm ma napprezzawx."

Doris kompliet tgħid lil Peppi li kellha kanċer u għaddielha, u wara sena reġa' qabadha kanċer ieħor.

"Qaltli: 'Allaħares waqt dan il-mard ma kinitx id-Dar tal-Providenza,'" spjega Peppi.

Illejla f'Xarabank, il-mamà ta' Matthew se tkun qed twieġeb it-telefonati bid-donazzjonijiet tiegħek u ta' ħafna Maltin u Għawdxin oħra.

No comments:

Post a Comment